Irrispettivament jekk it-tfal ikollhomx kuntatt mas-sistema legali bħala vittmi, xhieda, dawk li wettqu l-offiża jew bħala individwi li jkunu għamlu l-ilment, huwa essenzjali li jkollhom sistema adattata għalihom li tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tagħhom kif ukoll il-bżonnijiet tagħhom bħala tfal.
Sistema tal-ġustizzja adegwata għat-tfal għandha tipprovdi aċċess għall-informazzjoni li hija aċċessibbli u mfassla skont l-età u l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Hu għal dan il-għan li l-Aġenzija Għajnuna Legali Malta kkollaborat mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal u Dr Juliana Scerri Ferrante, Membru tal-Kumitat tal-Ġnus Maqgħuda dwar id-Drittijiet tat-Tfal, sabiex tiġi żviluppata għodda li tippromwovi d-drittijiet tat-tfal fis-sistema legali Maltija.
Għaldaqstant ġie mniedi fuljett informattiv li mhux biss joħloq kuxjenza fuq id-drittijiet tat-tfal, iżda wkoll jipprovdi informazzjoni dwar ir-rwol tal-Aġenzija Għajnuna Legali Malta. Il-fuljett jikkonsisti f’numru ta’ riżorsi għall-edukaturi u tfal, u ser ikun qiegħed jiġi mqassam fil-bidu tas-sena skolastika li jmiss u ser ikun qiegħed jiffoka fuq il-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, bl-użu ta’ termini adattati għat-tfal.
Fid-diskors tiegħu waqt it-tnedija ta’ din l-inizjattiva, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, qal li din hija inizjattiva importanti, mhux biss għaliex se tkun qed toffri għodda ġdida fil-forma ta’ fuljett informattiv għall-professjonisti biex ikunu jistgħu jagħtu assistenza lit-tfal li jkunu f’konflitt mal-liġi, imma wkoll għaliex tkompli tibni fuq il-programm ta’ riformi li qed ikunu mwettqa fil-ġustizzja msejsa fuq l-ispeċjalizzazzjoni.
“Nemmnu li l-ispeċjalizzazzjoni twassal għal ġustizzja aktar effettiva u sistema ġudizzjarja aktar effiċjenti. Wara li ħloqna l-ispeċjalizzazzjoni bil-Maġistrati inkwirenti, qed nikkumplimentaw dan il-pass b’riforma fil-liġi, waqt li fiż-żmien li ġej se nippubblikaw abbozz ta’ liġi li se jwassal għall-ħolqien ta’ Qorti Kummerċjali Speċjalizzata. Anke fl-Aġenzija tal-Għajnuna Legali, irriorganizzajna l-Avukati f’panels speċjalizzati, biex noffru servizz aħjar,” qal il-Ministru Attard, filwaqt li ħabbar li l-pass li jmiss huwa li jkun ifformat panel ieħor ta’ speċjalizzazzjoni, b’avukati li jaħdmu mat-tfal.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon qal li huwa ferm importanti illi ngħinu lit-tfal ikunu aktar konxji tad-deċiżjonijiet kollha għaddejja madwarhom, speċjalment meta dawn jinvolvu l-Qrati. Żied jgħid li “diġà hija emozzjonalment diffiċli li t-tfal ikollhom jixhdu jew inkella jiddefendu ruħhom, u għaldaqstant huwa obbligu tagħna li nagħtu kull forma t’għajnuna possibbli.”
Dr Juliana Scerri Ferrante, Membru tal-Kumitat tal-Ġnus Maqgħuda dwar id-Drittijiet tat-Tfal, saħqet dwar id-drittijiet tat-tfal u qalet, “Li nassiguraw aċċess għall-ġustizzja għat-tfal kollha jiddependi fuq l-azzjoni kollettiva mill-gvernijiet, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, professjonisti legali u l-komunitajiet. Dan jirrikjedi impenn kondiviż biex jitneħħew l-inugwaljanzi strutturali, investiment f’oqfsa legali favur it-tfal u li jiġi promoss l-għarfien tad-drittijiet tat-tfal. Iktar minn hekk, biex l-aċċess għall-ġustizzja jiġi implimentat u biex il-ġustizzja favur it-tfal tkun effettiva, irridu jkollna wkoll rimedji effettivi.”
Min-naħa tagħhom Bruno Zahra, Direttur tal-Aġenzija Għajnuna Legali Malta, u Antoinette Vassallo, Kummissarju għat-Tfal, iddeskrivew il-fuljett għall-professjonisti bħala għodda biex ikunu jistgħu jagħtu assistenza lit-tfal li jkunu f’konflitt mal-liġi u li jkollhom bżonn l-assistenza ta’ avukat fil-Qorti.