L-ambjentalist u eksKandidat tal-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2009 Steve Borg qed isemma leħnu u jopponi, flimkien mal-għaqda Wirt iż-Żejtun, żvilupp industrijali li se jsir fuq art agrikola.
Fil-fatt l-iżvilupp se jsir fuq medda konsiderevoli ta' art u se jfisser illi bosta bdiewa jitilfu art li ilhom jaħdmu għal snin twal ħafna. Il-Malta Industrial Parks qed tinsisti li l-bdiewa m'għandhomx titolu fuq l-art u allura m'għandhom ebda jedd fuqha.
Minkejja dan, l-art hija waħda illi, kif juru ir-ritratti ta' Borg stess, qed tinħadem, mhux mitluqa u hija karaterizzata minn siġar diversi wkoll.
Borg sostna li l-proposta tal-Malta Industrial Parks (MIP) biex f'din l-art agrikola u l-kampanja Maltija f'Bulebel "tinqered u minflok tinbena f'aktar fabbriki tal-konkos turi kemm hemm min mhux sensittiv għall-firxa kerha urbana li ngħixu fiha u li fetħet ferita kbira f'qalbna."
Huwa qal illi l-MIP tista' toqgħod fuqu illi dan l-iżvilupp se jsib oppożizzjoni qawwija mingħand dawk li jridu jsalvaw il-ftit kampanja li tħalliet lilna u lill-uliedna.
"Aħna favur li din l-art agrikola u Wied Zrinġ jibqgħu kif inhuma u nappoġġjaw lil Wirt iż-Żejtun u lin-nies tan-nofsinhar ta' Malta fir-rieda soda tagħhom għal din il-protezzjoni. M'hemmx kompromessi dwar din. Din l-applikazzjoni triq waħda għandha - li tiġi rtirata u mirduma."