'Reshuffle' fix-Shadow Cabinet: Simon Busuttil huwa l-Kelliem għall-Governanza Tajba
Adrian Delia jħabbar tibdiliet kbar fix-'Shadow Cabinet' tal-Oppożizzjoni
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ħabbar tibdil il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista b’bidliet fis-‘shadow ministers’. L-aktar bidla sinjifikattiva hija l-kariga li ngħtat lill-eksKap tal-partit Simon Busuttil li nħatar bħala l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba.
Adrian Delia stess se jkun il-Kelliem tal-Ġustizzja flok Jason Azzopardi, li minflok sar il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent u l-Affarijiet Marittimi.
Il-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius inħatar Kelliem dwar l-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma, filwaqt li l-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo nħatar Kelliem dwar it-Turiżmu.
Clyde Puli, li huwa wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jieħu f’idejh ir-responsabbilità tal-Kelliem għall-Edukazzjoni, li qabel kienet f’idejn Therese Comodini Cachia, li minflok inħatret Kelliema għall-Midja u l-Kultura.
L-EksViċi Kap Mario de Marco baqa’ Kelliem għall-Finanzi, l-istess l-eksViċi Kap Beppe Fenech Adami li baqa’ Kelliem tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.
Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar inħatar Kelliem dwar il-Kunsilli Lokali u l-Fondi Ewropej, filwaqt li d-Deputat Whip Frederick Azzopardi nħatar Kelliem tal-Edukazzjoni u l-Affarijiet Soċjali f’Għawdex.
Kelliem għal Għawdex baqa’ Chris Said, li kien il-kontestant ewlieni ma’ Adrian Delia għall-kariga tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Kristy Debono nħatret Kelliema dwar l-Ekonomija, is-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazzjoni. Il-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u l-promozzjoni tal-Kummerċ issa sar Carm Mifsud Bonnici, filwaqt li Stephen Spiteri baqa’ Kelliem għas-Saħħa.
Fil-ħatriet l-oħra, Ivan Bartolo sar Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali, Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, Toni Bezzina nħatar Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura. Maria Deguara nħatret Kelliema dwar l-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità u Mario Galea nħatar Kelliem għas-Saħħa Mentali u d-Drittijiet tal-Annimali.
Hermann Schiavone nħatar Kelliem dwar id-Djalogu Soċjali u l-Volontarjat, David Stellini sar il-Kelliem tal-Affarijiet Ewropej u l-Brexit, Edwin Vassallo nħatar Kelliem għas-Self Employed, Negozji Żgħar, Koperattivi, Biedja u Sajd, Marthese Portelli nħatret Kelliema għall-Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà filwaqt li Ryan Callus inħatar Kelliem għaż-Żgħażagħ u l-Isport.
Id-Deputat Speaker tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg inħatret Kelliema għad-Drittijiet Indaqs, Libertajiet Ċivili u Drittijiet taċ-Ċittadin, Karl Gouder issa huwa l-Kelliem dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, Claudio Grech inħatar Kelliem dwar il-Benesseri tal-Familja, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet, Drittijiet tat-Tfal u tat-Trabi fil-Ġuf u finalment Karol Aquilina nħatar Kelliem dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi.