[Aġġornata] It-tim tal-IT u tal-kostruzzjoni jieqfu mix-xogħol...il-ħaddiema ma jafux x'inhu jiġri
- Il-kuntratturi Maltin, mqabbdin minn Shapoonji Pallonji, waqfu jaħdmu minħabba nuqqas ta’ ħlas għax-xogħol li sar
- It-tim tal-IT minn Ohum Healthcare jabbandunaw il-proġett
- Silenzju minn żewġ Ministeri dwar rendikont tal-flus li ngħataw il-VGH
minn Albert Gauci Cunningham
Il-ħaddiema li huma parti mill-maniġment tal-Vitals Global Healthcare tħallew kompletament fid-dlam, ma jafu xejn dwar il-qagħda tal-VGH, ma jafu xejn x’se jiġri minnhom u lanqas biss jafu eżatt, kif u meta sar jew se jsir, l-iffirmar tal-ftehim li permezz tiegħu suppost Vitals Global Healthcare se jbigħu konċessjoni ta’ tliet sptarijiet pubbliċi, liema konċessjoni rebħu fl-2015 u kienet ta’ 30 sena, bl-għażla li jestenduha għal 99 sena.
Nies qrib ħafna tal-VGH u sorsi ta’ din il-gazzetta żvelaw ukoll kif il-ġimgħa l-oħra it-tim sħiħ li kien qed jieħu ħsieb l-informatika, fosthom sistema ta’ ‘inputting’ ta’ pazjenti ħallew iċ-ċwievet mal-ħaddiema tal-VGH u telqu minn Malta.
It-tim li kien qed jieħu ħsieb l-informatika ta’ dan il-proġett kien parti minn Ohum Healthcare Solutions, li kif jgħid is-sit tal-istess kumpanija hija responsabbli mit-tekonoloġija u mill-pjattaforma fil-qasam tas-saħħa magħmula apposta biex tagħti “kura ta’ livell mindjali” fl-isptarijiet li għandhom il-VGH.
Il-proġett li kienet qed tmexxi Ohum Healthcare mal-VGH kien msejjaħ ‘Proġett Metamorfosi’ u kien jinkludi qafas li jagħmel moniteraġġ ta’ xejriet li jistgħu jassistu s-sorveljanza tal-mard, hekk kif jispeċifika is-sit ta’ din l-istess kumpanija.
It-tim ta’ ħaddiema li kienu qegħdin Malta u li jidher illi abbandunaw il-proġett tal-Vitals Global Healthcare, kienu Indjani kif fil-fatt huwa l-Kap Eżekuttiv tal-istess kumpanija, Udai Kumar. Kumar f’intervista mal-Economic Times nhar it-2 ta’ Frar 2016 kien iddeskriva l-kumpanija li jmexxi bħala ‘gamechanger’ fil-qasam tas-saħħa fl-Indja.
Lura Malta l-ħaddiema tal-VGH ma ġewx infurmati jekk dan it-tim hux se jkun qed jirritorna jew le lura fuq il-proġett.
Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu wkoll illi matul l-aħħar jiem jidher li anke l-kuntratturi responsabbli mill-kostruzzjoni tal-iskola ta’ Barts Medical School ħallew iċ-ċwievet l-uffiċċju u waqfu jaħdmu.
Mhux ċar, anqas hawn, jekk dan il-waqfien hux temporanju jew le, għalkemm il-gazzetta oħt Maltatoday kienet irrapurtat illi l-VGH kienet qed tiffaċċja problemi serji finanzjarji. L-istess gazzetta qalet illi dan wassal biex kien hemm inċertezza fost kumpaniji li kienu qed jagħmlu xogħol għall-VGH u li kellhom jitħallsu.
Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM ikkonfermaw li l-kuntratturi ma kienux qed jitħallsu tax-xogħol li kienu qed jagħmlu u għaldaqstant telqu minn fuq il-post.
Il-kostruzzjoni, bħall-IT ukoll, kienet qed titmexxa minn kumpanija kbira Indjana Shapoorji Pallonji. Kienet din il-kumpanija li imbagħad qabbdet kuntratturi Maltin (sub-contactors) biex jagħmlu xogħol ta’ kostruzzjoni huma.
Dawk li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li x-xogħol fuq Barts, l-iskola li kellha tiftaħ f’Settembru li għadda, jinsab prattikament wieqaf għal kollox.
Il-gazzetta ILLUM kienet ippubblikat storja b’kummenti ta’ sorsi li kienu qalu illi l-iskola ta’ Barts tinsab mħassba u anke urtata minħabba li x-xogħol fuq din l-iskola waqa’ tant lura u l-ewwel studenti tal-iskola qed ikollhom jużaw l-iskola tal-Gvern tar-Rabat Għawdex.
Il-Ministru Chris Fearne kien assigura lil din il-gazzetta li x-xogħol fuq Barts Medical School se jkun lest sas-sajf li ġej, jew madwar minn erba’ sa ħames xhur oħra.
Din il-gazzetta kienet bagħtet ukoll serje ta’ mistoqsijiet lil Barts Medical School li baqgħu qatt ma ġew imwieġba. Fosthom jekk sarux laqgħat magħha dwar il-bejgħ lil Steward Healthcare u jekk ġew ikkonsultati, kienx hemm xi tibdil minn dak mifthiem mal-VGH.
Intant s’issa lista ta’ mistoqsijiet li bagħtet din il-gazzetta lil żewġ Ministeri u Kelliem tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru għadhom ma ġewx imwieġba. Dawn huma l-istess mistoqsijiet li din il-gazzetta diġà għamlet, matul dawn l-aħħar ġimgħat permezz tal-editorjal.
Il-mistoqsijiet, pertinenti għax jitrattaw assi pubbliċi, ivarjaw mill-famuż ewro li bih, allegatament inbiegħ it-tagħmir tal-isptarijiet lill-VGH għal mistoqsija dwar jekk il-Gvern talabx rendikont mingħand Vitals Global Healthcare dwar kif intefqu l-flus li l-Gvern għadda lill-istess kumpanija s’issa, madwar €190,000 kuljum.
Il-mistoqsijiet intbagħtu lill-kelliema tal-Ministru Chris Fearne, bħala Ministru tas-Saħħa, lill-kelliem tal-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi, bħala l-Ministru li ffirma l-kuntratt f’isem il-Gvern mal-VGH u li kien responsabbli wkoll minn Projects Malta meta VGH rebaħ il-kuntratt u kelliem tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Il-gazzetta bagħtet dawn il-mistoqsijiet nhar it-Tnejn u reġgħet bagħtet email oħra bħala tfakkira nhar il-Ħamis.
Sakemm morna għall-pubblikazzjoni konna għandna la rċevejna risposta u lanqas rikonoxximent li l-email kienet waslet.
Xi staqsejna lill-Gvern dwar il-kuntratt mal-VGH?
- Meta sar jaf eżatt il-Gvern li Vitals iridu jbigħu?
- Għalfejn m’għamilx din l-intenzjoni pubblika mill-ewwel?
- Il-Ministeru/Ministru u l-Gvern jafu fiċ-ċert min huwa s-sid aħħari (UBO) ta’ Vitals li wara kollox ħadu proprjetà pubblika? Jekk iva, min hu
- Għalfejn il-unjins ma ġewx ikkonsultati malli l-intenzjoni ta’ Vitals kienet ċara?
- Kemm ħadu flus Vitals f’dawn il-21 xahar? Intalbu jagħtu rendikont tal-flus li ħadu qabel jitilqu minn Malta?
- Veru li biegħna t-tagħmir għal €1 biss? Kif jista’ jkun iġġustifikat dan il-prezz?
- Għalfejn il-Gvern ma talabx li jerġa’ jibda l-proċess mill-ġdid fi proċess kompetittiv ta’ għażla?
- Meta ġie ffirmat il-kuntratt, bħala membru tal-Gvern u Ministru, kont aċċertat li l-kumpanija VGH kienet f’pożizzjoni finanzjarja li twettaq tali proġett?
L-istrajk ta' għada se jkompli, kif ippjanat....
Intant l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qed tfakkar illi minn għada mistennija tibda azzjoni industrijali fl-ispatarijiet kollha, hekk kif qed takkuża lill-Gvern li kiser il-ftehim kollettiv meta ma nfurmahiex b'bejgħ lill-privat u anke bil-bejgħ liln Steward Healthcare fiż-żmien stipulat.
Sar magħruf illi d-diskussjonijiet fallew u għalhekk minn għada t-tobba se jibdew jistrajkjaw.
Fi stqarrija il-Ministeru għas-Saħħa qal li hu qed joffri numru ta’ soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet li qed tqajjem il-union,imma " il-MAM baqgħet issostni li se tkun qed tagħmel numru ta’ azzjonijiet industrijali għada fl-isptarijiet u fiċ-ċentri tas-saħħa."
Hu stmat li se jkunu madwar 3,000 il-pazjenti li se jiġu affettwati bl-azzjonijiet fl-Isptar Mater Dei, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fiċ-ċentri tas-saħħa mifruxa madwar Malta.
"Il-Ministeru għas-Saħħa lest li jibqa’ jiddiskuti mal-MAM. Fost is-soluzzjonijiet li ġew offruti llum hemm soluzzjoni dwar kuntratti barra mis-sectoral agreement, u mod kif nistgħu naħdmu flimkien biex il-private-public partnership fl-isptarijiet tagħna tkun ta’ suċċess biex minnha jgawdi l-pazjent Malti. Il-Ministeru għas-Saħħa offra wkoll li l-MAM jkollha aċċess għall-kuntratti kollha ffirmati bejn il-Gvern u VGH."