Maria Efimova: ‘wanted’ imma ‘inviżibbli’ u ħadd ma jrid iwieġeb....
L-ILLUM iċċempel lil IDF Fragrance, lill-Pulizija Ċiprijotta u lill-uffiċċju tal-Interpol f’Nikosija... imma ĦADD ma jwieġeb dwar mandat ta’ arrest kontra Maria Efimova...
minn Albert Gauci Cunningham
L-isem Maria Efimova mhux talli ma jidher imkien f’listi ta’ persuni li huma ‘wanted’ fuq is-sit tal-Interpol, talli la l-Pulizija Ċiprijotta, la l-Interpol f’Nikosija (Ċipru) u lanqas il-kumpanija li allegatament keċċietha ma jridu jispjegaw għaliex l-isem Maria Efimova ma jidher imkien fuq listi ta’ nies ‘wanted’, minkejja li kemm pajjiżna kif ukoll Ċipru ħarġu mandati ta’ arresti Ewropej internazzjonali.
Din il-gazzetta għamlet kuntatt ma’ IDF Fragrance, mal-Korp tal-Pulizija f’Ċipru kif ukoll mal-uffiċċju tal-Interpol f’Ċipru. Dan apparti, li tat ħarsa wkoll lejn is-siti tal-Interpol u tal-Pulizija f’Ċipru.
L-ewwel telefonata ta’ din il-gazzetta saret nhar il-Ħamis lill-kumpanija IDF Fragrance. Skont artiklu li deher fuq is-‘Cyprus Business Mail’, il-Pulizija Ċiprijotta ħarġu mandat ta’ arrest kontra Efimova, kemm nazzjonali kif ukoll Ewropew.
Minkejja dan, meta wieħed jidħol fis-sit tal-Pulizija Ċiprijotta fuq il-lista ta’ persuni li huma ‘wanted’ ma jsibx lil Efimova.
Meta wieħed jidħol fuq is-sit tal-Interpol u jfittex il-persuni li huma fil-lista ta’ nies imfittxija mill-Pulizija Ċiprijotta, ma jsib lil ħadd bl-isem Maria Efimova. L-unika persuna Russa fuq il-lista hija Anna Maksimova.
Maxsimova qed tiġi mfittxija għal serq u ħasil ta’ flus.
L-ILLUM ċemplet lil IDF Fragrance. Il-persuna li wieġbet it-telefon qaltilna li kien diġà ċempel xi ħadd u li Natalia Antoniou, il-persuna li allegatament irrappurtat lil Efimova lill-Pulizija Ċiprijotta, setgħet twieġeb biss b’email.
L-ILLUM bagħtet email dak il-ħin stess illi fiha staqsiet lil Antoniou tikkonfermax ir-rapport li għamlet kontra Efimova u biex tikkonferma fiċ-ċert li l-impjegata inkwistjoni hija Maria Efimova, jew xi isem varjant ieħor Russu.
Staqsejna wkoll lil Antoniou jekk hix konxja tal-fatt illi, għallinqas pubblikament, l-uniku mandat ta’ arrest minn Ċipru huwa fil-konfront ta’ Anna Maksimova, mhux ta’ Efimova (ara kaxxa).
Sussegwentement, din il-gazzetta ċemplet ukoll lill-Pulizija Ċiprijotta u staqsiet għalfejn minkejja rapporti li ħarġu mandat ta’ arrest kontra Efimova, isimha ma jidher imkien. Wara li għaddewna minn Dipartiment għall-ieħor, fost mistoqsijiet ta’ għalfejn irridu din l-informazzjoni (meta fil-fatt hija l-Pulizija stess li tippubblika tali informazzjoni), spiċċajna għand l-Uffiċċju tal-Interpol, f’Nikosija Ċipru.
Il-gazzetta ILLUM staqsiet għalfejn isem Efimova mhux qiegħed fil-lista. Imma l-persuna mill-Interpol qalet biss li ma tistax tagħti informazzjoni. Ħeġġet biss lil din il-gazzetta biex tfittex l-informazzjoni li trid fuq is-sit tal-Interpol.
Fuq is-sit tal-Interpol isem Efimova ma jidhirx.
Mistoqsija jekk dan ifissirx li persuna li mhix qiegħda fil-lista mhux qed tkun mfittxija mill-Pulizija, il-Pulizija li kellmitna reġgħet ħeġġet biex inħarsu lejn il-lista ppubblikata fuq is-sit tal-Interpol.
Fuq il-lista tal-Interpol: Nies b’akkużi simili bħal Efimova
Fuq din il-lista, taħt is-sezzjoni ta’ Ċipru, hemm diversi persuni li huma ‘wanted’. Fosthom, persuni li qed ikunu mfittxija fuq akkużi ta’ serq, simili ħafna għall-akkużi li qed isiru fuq Efimova.
Pereżempju, Salavat Gubaidulin qed ikun mfittex mill-Pulizija Ċiprijotta minħabba akkużi ta’ serq ta’ flus ‘fuq pretensjonijiet foloz’.
Theodor Andrew Naberbaumer qed ikun imfittex minħabba akkużi ta’, fost oħrajn, frodi.
Persuni oħrajn lanqas biss għandhom l-akkużi mniżżlin ħdejn isimhom.
Mal-istess gazzetta Ċiprijotta Efimova kienet ikkwotata tgħid li f’Novembru l-gazzetti Maltin kien irrappurtaw illi hemm mandat ta’ arrest kontriha, “imma minn dakinhar mort f’diversi pajjiżi Ewropej u staqsejt lill-awtoritajiet jekk hemmx mandat t’arrest kontrija imma ħadd ma ried jgħidli xejn.” (“In November, all newspapers wrote that Malta issued an arrest warrant against me,” the whistle-blower continued.
“But since then I have travelled to various European countries and asked police authorities if there is a warrant against me and nobody wanted to carry it out,” she said.” - Cyprus Business Mail).
Kien is-sit illum.com.mt li żvela li din il-mara kienet tkeċċiet mill-Bank Pilatus f’Marzu 2016 u qed tiġi mfittxija fuq akkużi li użat fondi mill-bank għal skopijiet privati. Kien żvelat ukoll kif kienet diġà ġiet investigata mill-pulizija u kienet il-Qorti, akkużata bi frodi u rapporti foloz.
Min-naħa tagħha, Efimova dejjem sostniet illi hi qatt ma tħallset ta’ internship li kienet għamlet mal-Bank Pilatus. Il-Bank ċaħad u sostna illi din kienet allegazzjoni ‘falza’.
Il-Bank Pilatus akkużaha wkoll u allega illi fi proċess ta’ ‘booking’ tal-lukanda fil-Ġermanja hi bbukkjat kamra addizzjonali għaliha u tellgħet lill-familja, għas-spejjeż tal-bank.
L-għada, Daphne Caruana Galizia qalet li mhu veru xejn illi Efimova wettqet reat ta’ frodi. F’artiklu fil-blogg tagħha tispjega kif ‘Mrs. X’ (għax sa dak iż-żmien ma kienx magħruf isimha), ħadmet fil-Bank Pilatus għal tliet xhur u qatt ma tħallset, anke jekk kienet imwiegħda illi l-paga se tirċiviha fil-posta. Caruana Galizia spjegat kif għamlet rapport lill-awtoritajiet kompetenti.
“Malli l-Bank sar jaf bir-rapport, huma (il-Bank Pilatus) mill-ewwel fetħu rapport b’ritaljazzjoni kontriha u akkużawha li kienet qed tuża l-flus tal-bank biex issiefer mal-familja... żammewha f’ċella minn filgħodu sa filgħaxija u l-uffiċjal li kien qed jinterrogaha beda ripettutament jgħidilha; “għamiltha. Ammetti. Għamiltha.” Hi rrispondiet; “għamilt xiex? Kif nista’ nammetti għal xi ħaġa li jien m’għamiltx... f’Ottubru li għadda ommha mietet u l-Pulizija ma tawhiex il-permess li tmur id-dar biex tara lil ommha tindifen.”
Stramba, imma hekk hu...
Fost il-ħafna stramberiji u mistoqsijiet li qed tibqa’ tqajjem din l-istorja ta’ Maria Efimova hemm il-fatt illi minkejja li din suppost għandha mandat ta’ arrest kontriha, kemm minn Malta kif ukoll minn Ċipru, hija telqet minn Malta, qed tgħid li marret f’pajjiżi Ewropej differenti u Membri Parlamentari Ewropej saħansitra qed jitolbu għall-protezzjoni tagħha.
Fil-fatt ma’ din il-gazzetta l-MEP Ana Gomes, f’telefonata li saret ftit ġimgħat ilu, kienet żvelat kif hi flimkien ma’ numru ta’ MEPs qed jitolbu lill-awtoritajiet ta’ fejn tinsab Efimova biex jagħtuha l-protezzjoni meħtieġa.
Wara l-artiklu fuq is-Cyprus Business Mail, il-Kunsill tal-Ewropa stess talab biex Efimova tkun protetta.
Il-mistoqsija pertinenti tibqa’ allura; kif MEPs u saħansitra l-Kunsill tal-Ewropa qed jitolbu l-protezzjoni ta’ mara li suppost għandha mandat ta’ arrest Ewropew u internazzjonali?
It-traskrizzjonijiet tat-telefonati li għamlet l-ILLUM mal-Pulizija Ċiprijotta, mal-Interpol u ma’ IDF Fragrance ġew ippubblikati fil-ħarġa tal-gazzetta ILLUM.