Illum se jidħlu fis-seħħ azzjonijiet industrijali fil-qasam tas-saħħa. B'riżultat ta' dan tobba mhux se jirrappurtaw għax-xogħol f'erba' ċentri tas-saħħa, tal-Gżira, Birkirkara, Ħal Qormi u Bormla. Fiċ-ċentri l-oħrajn fejn se jkun hemm tobba, appuntamenti li mhumiex urġenti se jkunu skedati għal ġurnata oħra.
Din hija biss waħda mill-istruzzjonijiet li qed tagħti l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) hekk kif illum il-qasam tas-saħħa se jintlaqat minn azzjonijiet industrijali, fost l-ikbar f'dan is-settur fl-aħħar snin.
Il-MAM qed tilmenta dwar il-ftehim li sar mill-VGH, bil-President tal-MAM jgħid illi dan il-ftehim mhux fl-interess tal-pazjent u lanqas tal-poplu u qed issejjaħ biex l-Awditur Ġenerali jibda kemm jista' jkun malajr jinvestiga l-ftehim li kien sar fl-2015, iffirmat mill-Ministru Konrad Mizzi. Il-MAM qed tgħid ukoll illi inkiser il-ftehim kollettiv meta l-Gvern m'infurmahiex b'akkwist ta' sptarijiet mill-privat sa mhux iktar tard minn sitt ġimgħat qabel.
Il-Gvern qed jgħid illi se jintlaqtu 3,000 pazjent u li prova kemm jista' jiddiskuti mal-MAM.
Il-ftehim bejn il-Gvern u l-VGH jinsab taħt l-iskrutinju tal-midja u taħt ħafna kritika. L-aktar minħabba li l-VGH m'għandha l-ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa, hija parti minn xibka kumplessa ta' kumpaniji, minħabba li l-ultimate beneficiary owner (UBO) tal-kumpanija mhux pubbliku u minħabba illi minkejja li qed jingħad li l-VGH irċeviet €190,000 kuljum, il-kumpanija ftit li xejn tista' turi għall-miljuni li suppost irċeviet.
Dan apparti rapporti ma jieqfu xejn dwar il-ftehim innifsu, fosthom illi t-tagħmir kollhu tal-Isptar ta' Għawdex inbiegħ għal €1 u li kienu saru laqgħat mal-VGH minn qabel ma biss ħarġet l-Espressjoni ta' Interess għall-proġett.
Il-gazzetta ILLUM ta' nhar il-Ħadd żvelat kif it-tim tal-IT, immexxi minn Ohum Healthcare, waqfu jaħdmu fuq il-proġett kif waqfu jaħdmu wkoll il-kuntratturi. dan apprti li l-ħaddiema kollha tal-VGH (madwar 10) jinsabu kompletament fid-dlam u ma jafu assolutament xejn.
Il-gazzetta ILLUM kienet żvelat ukoll kif Barts, li ffirmat ftehim separat mal-Gvern, jinsabu għal kollox urtati minħabba li l-bini tal-iskola f'Għawdex waqa lura. Dan il-proġett kellu jkun lest f'Settembru, ħames xhur ilu. Minflok, bħalissa, jinsab wieqaf.
Il-gazzetta oħt Maltatoday irrppurtat illi l-VGH spiċċaw mingħajr flus wara li fallew milli jingħataw self mid-Deutsche Bank
L-istrajk tal-lum se jibda fit-8:00 am u jispiċċa fit-8:00 pm.
Intant fi stqarrija, l-MAM qalet li kien hemm appoġġ qawwi mill-membri tagħha li ddeċidew li josservaw id-direttivi kollha maħruġa fl-istrajk. L-Assoċjazzjoni rringrazzjat lill-pazjenti talli qed jifhmu s-sitwazzjoni li wasslet biex issir dan l-istrajk.