Aġġornata | 'Tal-VGH huwa tradiment mhux investiment' - Farrugia
Il-Partit Demokratiku jinsisti illi hu mhux kontra ftehim mal-privat, basta dan dejjem ikun ta' ġid għall-pazjent...

minn Yendrick Cioffi

Id-Deputat tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia sostniet li l-ftehim li ffirma l-Gvern mal-Vitals Global Healthcare huwa “tradiment tal-poplu u mhux investiment.” Aktar tard, il-Partit Nazzjonalista qal li għandu jkun hemm reviżjoni ta' dan l-istess ftehim.
Waqt Konferenza tal-Aħbarijiet mal-Kap tal-PD Anthony Buttigieg, Farrugia sostniet li huwa dmir il-Gvern li jieħu ħsieb li flus il-poplu qed jintużaw tajjeb.
Mistoqsija mis-sit Illum.com.mt dwar jekk il-Partit Demokratiku jaqbilx fil-prinċipju mal-privatizzazzjoni fis-settur tas-saħħa, kemm Farrugia, kif ukoll Buttigieg, għamluha ċara li huma m'għandhom xejn kontra l-privat jew Public Private Partnerships sakemm dawn dejjem isiru b’mod trasparenti biex minnhom igawdi l-poplu.
Buttigieg saħaq li għall-kuntrarju, dan il-ftehim huwa mifni f'ħabi u serq u li tliet sptarijiet pubbliċi ntużaw biex minnhom isir il-kummerċ, iżda saħaq li ħadd ma jaf x’qed isir minn dawn il-profitti.
Fi kliemhom, kien dan li wassal biex l-Assoċjazzjoni Medika Maltija tordna strajk tat-tobba matul il-ġurnata.
It-tnejn li huma saħqu li ġaladarba dan il-ftehim falla, il-Gvern għandu jieħu lura f’idejh it-tliet sptarijiet waqt li Marlene Farrugia saħqet li l-Partit Demokratiku għandu fiduċja fil-poplu u kapaċi jmexxi fil-qasam tas-saħħa.
Farrugia kompliet tgħid li l-investimenti kollha li l-Gvern jiftaħar bihom huma investimenti li fihom il-Gvern “ippompja” l-flus iżda mhux talli ma ħa xejn lura talli spiċċa biex tilef.
“Fil-privat trid tidħol b’vantaġġ għalik u għall-poplu,” saħqet Farrugia.
Fakkret ukoll li fil-każ tal-VGH, il-Gvern mhux talli “seraq lill-poplu” iżda poġġa fil-periklu proġetti oħra bħalma huwa dak ta’ Barts.
Il-gazzetta ILLUM kienet żvelat kif Barts, li ffirmat ftehim separat mal-Gvern, jinsabu għal kollox urtati minħabba li l-bini tal-iskola f'Għawdex waqa lura. Dan il-proġett kellu jkun lest f'Settembru, ħames xhur ilu. Minflok, bħalissa, jinsab wieqaf.
“Il-Forza Nazzjonali għadha teżisti”
Matul il-konferenza, id-Deputat Farrugia saħqet aktar minn darba li l-Forza Nazzjonali għadha teżisti u mhijiex xi ħaġa li jista’ jneħħieha Delia.
Saħqet li l-Forza Nazzjonali hija “massa ta’ nies li jemmnu fil-Governanza tajba.”
Kompliet tgħid li l-Partit Demokratiku kien, għadu u se jibqa’ attiv, aktar u aktar għax fi kliemha, bħalissa, il-pajjiż huma mmexxi minn mexxejja mhux kredibbli, b’referenza kemm għall-Prim Ministru Joseph Muscat u anke għall-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
"Għandu jkun hemm reviżjoni tal-ftehim" - PN
F’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni, Stephen Spiteri u Mario Galea, u l-kandidat Herman Farrugia, il-Partit Nazzjonalista insista li għandu jkun hemm reviżjoni tal-ftehim li sar bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri insista li l-Gvern għandu l-opportunitá li jerġa’ jieħu f’idejh it-tliet sptarijiet u jiġi ffurmat proċess ġdid dwar kif dawn għandhom jitmexxew.
Fakkar kif il-kuntratt tal-VGH falla wara 20 xahar biss u l-istess konsorzju ma laħħaqx mal-investiment li suppost kellu jagħmel, fosthom iż-żieda fis-sodod fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u anke l-bini tal-iskola Barts.
Kemm Spiteri u anke Galea saħqu li ħadd ma jaf kemm daħħal il-VGH mill-bejgħ tal-konċessjoni lill-kumpanija Amerikana Steward Health Care u insistew li agħar minn hekk il-poplu jinsab fl-għama dwar x’se jiġri mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mario Galea fakkar li waqt li ħadd ma jaf min huma l-vera sidien tal-VGH, il-konċessjoni inbiegħet għaxart ijiem biss qabel Direttiva tal-Unjoni Ewropea li, bil-għan li tiġġieled il-ħasil tal-flus, kienet tobbliga li jsiru magħrufa s-sidien veri tal-Public jew Private Public Partnerships.
Qal ukoll li l-Gvern qatt ma jmissu ppermetta li “frodist” ibigħ “ħwejjeġ il-poplu.” Kien hawn li insista li kellu jkun il-Gvern li jinnegozja ma’ Steward.
Filwaqt li qabblu li minn dan kollu qiegħed ibati l-pazjent, il-kandidat Herman Farrugia, li huwa wkoll tabib, qal li s-sistema Amerikana, bbażata fuq profitt, mhux se treġi fil-qasam tas-saħħa.
Temm jgħid li ma jistax ikun hemm avvanz għall-ġid tal-pazjent, jekk ma jkunx hemm trasparenza u kollaborazzjoni bejn il-Gvern u min imexxi s-servizz, jiġifieri t-tobba.

"Il-PN ma sabx xi jgħid dwar it-track record eċċellenti ta' Steward"
B’reazzjoni għall-konferenza tal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista saħaq li t-tliet kelliema ma sabux xi jgħidu dwar “it-track record mediku eċċellenti ta’ Steward Health Care."
Fi stqarrija, il-PL qal li l-akbar problema għall-Partit Nazzjonalista hija li ġejja kumpanija Amerikana “ġgant” fil-qasam tas-saħħa u li mal-Gvern se tibdel ta’ taħt fuq tliet sptarijiet li, skontu, taħt amministrazzjoni Nazzjonalista tħallew jaqgħu biċċiet.
Insista li l-Gvern Laburista jista’ jagħti garanzija li s-saħħa se tibqa’ b’xejn u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema rispettati f’dik li sejjaħ bħala “infrastruttura world class.”


