Miriam Dalli b'leġiżlazzjoni biex jonqsu l-emmissjonijiet tal-karozzi

Ftit aktar minn 60% tal-vetturi f'Malta għandhom magni li jaħdmu bil-petrol u 39% jaħdmu bid-diżil. Inqas minn 1% tal-vetturi fit-toroq tagħna jaħdmu bl-elettriku jew huma hybrid

Miriam Dalli se tkun qed taħdem għal-leġiżlazzjoni ambizzjuża  sabiex jonqsu l-emmissjonijiet tal-karozzi filwaqt li nħeġġu aktar riċerka u innovazzjoni għall-vetturi li jaħdmu b’enerġija aktar nadifa.

Il-MPE Miriam Dalli se tkun qed tmexxi l-Parlament Ewropew fin-negozjati għal standards Ewropej dwar emmissjonijiet tal-karozzi lil hinn mill-2020. Din hija waħda mill-aktar leġiżlazzjoni importanti li tista’ tnaqqas l-emmissjonijiet madwar l-Unjoni Ewropea b’mod effettiv.

“Din il-leġislazzjoni mhix biss dwar miri għal tibdil fil-klima imma hija opportunità sabiex immexxu ‘l quddiem kwalità tal-arja aħjar, aktar karozzi li jaħdmu b’enerġija nadifa u aktar sigurtà għaċ-ċittadini. Se nkun qed naħdem fuq din il-leġislazzjoni hekk kif ikomplu joħorġu aktar aħbarijiet dwar kif il-Volkswagen qarrqu fit-testijiet għall-emissjonijiet u saħansitra issottomettew bnedmin u xadini għal testijiet. Se nara li l-interessi taċ-ċittadini, l-ħaddiema, l-operaturi onesti, l-inovazzjoni u r-riċerka jiġu s-salvagwardjati,” qalet il-MPE Maltija meta kkumentat dwar din il-ħatra.

Il-Parlament Ewropew diġa rrakomonda mira ta’ 30% fl-2013. Fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, din il-mira ta’ tnaqqis bi 30% fl-emmissjonijiet tista’ biss tintleħaq f’ħames snin oħra.

 “Din hi problema li se nkun qed nanalizza u nindirizza,” saħqet Dalli. 

 L-abbozz ta’ dan ir-regolament huwa mmirat biex jindirizza tlett problemi: in-nuqqas ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku jew li ma jniġġsux ħafna; il-possibiltà li l-konsumaturi mhux qed jiggwadanjaw billi jiffrankaw il-fjuwil; u r-riskju li l-UE titlef il-kompetittività minħabba nuqqas ta’ innovazzjoni f’ teknoloġija b’emmissjonijiet baxxi.

 L-aħħar informazjoni maħruġa minn Transport Malta u l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika turi kif hawn 372,061 vetturi liċenzjati f’ Malta sa Diċembru 2017, b’ aktar minn 78% huma vetturi li jġorru l-passiġieri. L-istatistika turi li 36 karozza qed jiġu rreġistrati kuljum f’Malta fejn il-popolazzjoni hi ftit aktar minn 400,000.

Ftit aktar minn 60% tal-vetturi għandhom magni li jaħdmu bil-petrol u 39% jaħdmu bid-diżil. Inqas minn 1% tal-vetturi fit-toroq tagħna jaħdmu bl-elettriku jew huma hybrid.

Bejn l-2005 u l-2014, il-livell tal-emmissjonijiet minn mezzi ta’ trasport fuq l-art f’Malta kiber b’ 16.4%.

“Jekk innaqqsu l-emmissjonijiet tal-karbonju inkunu qed intejbu l-kwalità tal-arja taċ-ċittadini tagħna, nħeġġu l-manifattura sabiex tkun innovattiva u nagħtu lill-UE dik il-kompetittività li tibbenefika kemm lill-konsumatur kif ukoll lill-ekonomiji, “ qalet Miriam Dalli.

Fir-rwol tagħha bħala rapportuer, Dr Dalli se tkun qed tmexxi diskussjonijiet mal-partijiet interessati kollha u se tkun qed taħdem għall-aħjar ftehim possibli mal-Kunsill Ewropew, ftehim li jpoġġi l-konsumaturi, s-saħħa pubblika u l- kompetittività Ewropea u t-tibdil fil-klima fuq quddiem.

 

More in Politika