Esklussiva | Il-vuċi tal-bdiewa Żwieten qed tinstema'...Il-Gvern jikkunsidra siti alternattivi

Wara rapporti u filmati fuq dan is-sit, 120,000 metru kwadru ta' art hemm ċans li nsalvawha...

Il-bdiewa li arthom hija ppjanata li tintilef għal żvilupp ta' fabbriki
Il-bdiewa li arthom hija ppjanata li tintilef għal żvilupp ta' fabbriki

Il-Gvern se jkun qiegħed jikkunsidra siti alternattivi għal dak taż-Żejtun biex jinbnew numru ta' fabbriki. Dan żvelawh mas-sit illum.com.mt it-tliet Ministri li jkunu eletti fuq dan id-distrett waqt eżerċizzju li kien qed jagħmel dan is-sit illi fih staqsa lil kull Deputat fuq it-Tielet distrett jekk hux se jappoġġja l-appell ta' numru ta' bdiewa li ilhom jaħdmu l-art għal żmien twil u li fl-istess art żergħu numru kbir ta' siġar. 

Madwar ġimgħatejn ilu dawn l-istess bdiewa rċevew ittra illi fiha l-Malta Industrial Parks qed titlobhom biex jiżgumbraw mill-art li ilhom jieħdu ħsieb għal snin twal. 

Dan is-sit, kif ukoll il-gazzetta ILLUM, fl-aħħar jiem irrappurtat dwar it-tħassib tal-bdiewa permezz ta' rapport kif ukoll filmat (ara taħt) li wassal għall-kritika qawwija minn diversi bnadi, fosthom mijiet ta' ċittadini privati, għaqdiet, Deputati Parlamentari u eks Kandidati tal-Partit Laburista. Qiegħda saħansitra tinġabar petizzjoni kontra dan l-iżvilupp, li qed tkun organizzata minn Wirt iż-Żejtun. 

Mistoqsijin minn dan is-sit jekk hux se jappoġġjaw lill-bdiewa l-Ministri Owen Bonnici, Helena Dalli, Carmelo Abela u anke Fearne, Deputati fuq id-Distrett taż-Żejtun wieġbu hekk: 'Il-Gvern, permezz tal-Malta Industrial Parks, qiegħed jeżamina siti alternattivi. Nemmen li din hi deċiżjoni sensibbli li tipprova ssib il-bilanċ bejn l-iżvilupp ekonomiku, li ma jistax jieqaf, il-ħtiġijiet ambjentali u x-xewqat tal-komunità Żejtunija."

Ara iktar dwar dan l-iżvilupp u kummenti tad-Deputati tat-Tielet distrett nhar il-Ħadd li ġej fuq il-gazzetta ILLUM. 

More in Politika