PN: 'Malta għandha ssir mudell tal-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf'
Claudio Grech jilqa' l-aħħar sondaġġ tal-Maltatoday li juri kif maġġoranza qawwija ħafna ta' Maltin jibqgħu kontra l-abort
More in Politika
Claudio Grech jilqa' l-aħħar sondaġġ tal-Maltatoday li juri kif maġġoranza qawwija ħafna ta' Maltin jibqgħu kontra l-abort
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija nnota bi pjaċir ir-riżultat ippubblikat fl-istħarriġ tal- MaltaToday tal-Ħadd 4 ta’ Frar 2018, fejn aktar minn 97% ta’ dawk mistoqsija qalu li ma’ jaqblux mal-abort, b’95% jgħidu wkoll li ma’ jaqblux mal-abort lanqas fl-ewwel tnax il-ġimgħa tat-tqala.
Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar id-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech qal li “lil hinn mill-popolaritá, il-Partit Nazzjonalista kien dejjem konsistenti fil-pożizzjoni tiegħu favur il-ħajja mill-konċepiment sal-mewt. Madanakollu, is-sentiment espress f’dan l-istħarriġ jagħmilna kburin li aħna Maltin u li aħna poplu li fejn tidħol il-ħajja għandna l-ħila li ningħaqdu biex niddefenduha, speċjalment f’dawk l-istadji tagħha fejn il-persuna ma’ tistgħax tiddefendi lilha nnifisha.”
"Il-pass li jmiss issa huwa li titwessa’ d-diskussjoni fuq kif nistgħu nagħmlu minn pajjiżna mudell tal-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf. Kien għalhekk li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia identifika d-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf bħala qasam li jixraqlu jkun parti mill-ħidma politika, b’Deputat tal-Oppożizzjoni li jsegwi u jfassal proposti sabiex jissaħħu dawn id-drittijiet."
“Issa li ħareġ ċar li hawn kunsensfost il-poplu li l-abort mhux se jkun parti mis-soċjetá Maltija, rridu naħdmu sabiex nassiguraw aktar protezzjoni għat-tarbija fil-ġuf u għall-omm li tkun tqila bit-tarbija. Se nkunu qed naħdmu biex inressqu proposti fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u s- solidarjetá soċjali biex mhux biss nipproteġu l-ħajja iżda nagħmlu l-almu kollu tagħna sabiex nagħmlu l-ħajja tat-tarbija aħjar” temm jgħid Claudio Grech.