Jitolbu l-għassa mal-mafkar ta' Daphne Caruana Galizia
In-Network tas-Soċjetá Ċivili kiteb lill-Assistent Kummissarju
More in Politika
In-Network tas-Soċjetá Ċivili kiteb lill-Assistent Kummissarju
In-Network tas-Soċjetá Ċivili kiteb lill-Assistent Kummissarju, Stephen Mallia, biex jassigura li “l-mafkar” ta’ Daphne Caruana Galizia, fuq il-Monument tal-Assedju, ikun protett u mgħasses.
L-ittra tħeġġeġ lill-Assistent Kummissarju biex jitlob lill-membri tal-Korp tal-Pulizija, stazzjonati fl-Għassa tal-Belt Valletta, biex jipproteġu attivament dan il-mafkar.
In-Network saħaq li f’dinja ħielsa teżisti tradizzjoni li f’mumenti ta’ traġedji nazzjonali, il-poplu jesprimi x-xokk u l-impenn tiegħu favur id-demokrazija b’inizjattivi popolari bħat-tqegħid tal-fjuri u oġġetti simili f’postijiet prominenti.
“Huwa mafkar magħmul min-nies għan-nies u bħala tali għandu jkun irrispettat u protett,” ittemm tgħid l-ittra.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Kunsillier Laburist Ray Azzopardi, ressaq mozzjoni quddiem il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta biex il-Monument tal-Assedju jiġi “mnaddaf.”
Mal-Illum.com.mt, is-Sindku Alexiei Dingli insista li l-Monumenti Nazzjonali ma jaqgħux taħt ir-responsabbilitá tal-Kunsill iżda insista li bħala rappreżentant tal-poplu, ma jistax jinjora s-sentimenti tan-nies, li minn dakinhar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ma qatgħux milli jpoġġu fjuri fuq dan il-mafkar spontanju.
Fl-aħħar jiem deher ukoll filmat ta’ mara li marret fuq dan il-Monument u qalbet il-fjuri, ix-xemgħat u r-ritratt ta’ Caruana Galizia.