Proġett ta' €17-il miljun għall-protezzjoni u l-immaniġġjar tal-ilma

Ippjanati li jintlaħqu 50,000 dar b’għajnuna dwar kif il-konsum tal-ilma jista’ jiġi mtejjeb. Jitwettqu 85 proġett dwar il-konservazzjoni tal-ilma fl-iskejjel

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi, flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera, ħabbru proġett ta’ €17-il miljun li se jkun qed jara titjib fl-immaniġġjar u l-protezzjoni tal-ilma kollu f’pajjiżna, mill-ilma fil-widien, għall-ilma tal-pjan u l-ilma baħar. 

Dan il-proġett huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Programm “LIFE Integrated Projects”, u se jgħin fit-twettiq tal-Pjan Nazzjonali għall-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Politika għall-Ilma (Water Framework Directive) tal-Unjoni Ewropea.  Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Joe Mizzi spjega li l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma wasslet l-applikazzjoni tul il-proċess kollu tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. 

Dan il-proġett vast fil-fatt iġib flimkien entitajiet minn erba’ Ministeri; il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u l-Ministeru għal Għawdex.

Malta ilha tieħu sehem fi proġetti taħt il-Programm LIFE sa mit-twaqqif tiegħu fl-1992. F’dawn il-25 sena ġew approvati u ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea 21 proġett, b’kofinanzjament ta’ €9.5 miljun. Dan il-proġett waħdu għandu kofinanzjament ta’ €10.2 miljun, u li b’hekk ser ikun qieghed jirdoppja il-finanzjament għal Malta taħt il-programm LIFE. 

“Dan juri l-importanza, kif ukoll l-aspettativa ta’ dan il-proġett, li huwa wieħed mill-ikbar proġetti li ġew finanzjati mill-Kummissjoni Ewropea taħt il-programm LIFE fl-Ewropa. Il-proġett innifsu se jiġi implimentat fuq tmien snin, u jinvolvi 27 miżura biex fost oħrajn, jissaħħaħ l-għarfien dwar kif l-ilma jista’ jintuża aħjar.

Fost oħrajn, qed jiġi mmirat li: Jintlaħqu 50,000 dar b’għajnuna dwar kif il-konsum tal-ilma jista’ jiġi mtejjeb. Jitwettqu 85 proġett dwar il-konservazzjoni tal-ilma fl-iskejjel. Jiġu żviluppati 5 siti fejn teknoloġijji u prattiċi ġodda dwar l-ilma jiġu introdotti f’pajjiżna. Jitwettaq programm ta’ monitoraġġ għall-kwalità tal-ilma li jiffoka fuq kontaminanti ġodda. Jiġu rrestawrati sistemi ekoloġiċi fil-widien u wetlands kostali.

Il-Ministru Mizzi qal li miżura oħra importanti f’dan il-proġett tinvolvi t-twaqqif ta’ forum konsultattiv dwar l-immaniġġjar tal-ilma li jġib flimkien rappreżentanti tas-settur pubbliku u privat.

Fix-xhur li ġejjin, l-Aġenzija ser tagħmel sensiela ta’ laqgħat mal-istakeholders f’dan ir-rigward. Dan il-framework ser jiġi ppreżentat lill-gżejjer oħra fil-Mediterran b’diversi attivitajiet u bl-għajnuna ta’ organizzazzjonijiet li huma attivi fuq l-immaniġġjar tal-ilma fil-Mediterran, bħal Global Water Partnership – Mediterranean u l-Mediterranean Network of Basin Organisations, sabiex il-proġett jgħin ukoll lil gżejjer oħra bħal Malta biex itejbu wkoll l-użu tal-ilma.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru José Herrera spjega li f’dan il-proġett il-Ministeru tiegħu mhuwiex biss benefiċjarju u stakeholder iżda jospita wkoll il-LIFE National Focal Point. Madwar l-Unjoni Ewopea, il-proġetti LIFE kienu ta’ suċċess għaliex qed juru kif il-kwistjonijiet ambjentali jistgħu attwalment ikunu parti minn soluzzjoni usa’ permezz tal-integrazzjoni tagħhom fis-setturi ekonomiċi u soċjali kollha, inkluż it-trasport, l-enerġija, l-industrija u t-turiżmu.

Huwa qal li dan il-proġett huwa pass konkret lejn it-titjib tal-infrastruttura tal-ilma tagħna u huwa għodda prezzjuża għall-awtoritajiet governattivi sabiex jissodisfaw l-obbligi tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-politika tal-ilma u f’konformità mal-Adopted Water Catchment Management Plan.

Il-Ministru Herrera ħabbar li bħala parti minn dan il-proġett il-Ministeru tiegħu ser jibbenefika minn madwar €4.5 miljun li ser jiġu investiti fl-identifikazzjoni ta’ sustanzi li jniġġsu, l-immudellar tal-ġbir tal-ilma, restawr tal-ilmijiet kostali, kif ukoll stħarriġ dwar l-ambjent marittimu tagħna. Dawn l-azzjonijiet ser jitwettqu mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u d-Direttorat tal-PARKS

Il-Ministri Joe Mizzi u Josè Herrera
Il-Ministri Joe Mizzi u Josè Herrera

More in Politika