Ftit tal-ħin ilu l-International Consortium of Investigative Journalists (ICIJ) għadu kif 'żvela' iktar ismijiet u kumpaniji Maltin li suppost qegħdin joperaw taħt qafas ta' segretezza, jew inkella li huma kumpaniji offhsore li jfittxu li jħallsu inqas taxxa billi jirreġistraw f'ġurisdizzjoni oħra, bħal Malta.
Minflok il-lista ppublikata turi li ħafna kumpaniji, għaqdiet u saħansitra l-knisja u klabbs tal-futbol spiċċaw bid-dettalji tagħhom ippublikati. Ħafna minn dawn il-kumpaniji, jekk mhux kważi kollha, fil-fatt huma reġistrati mal-MFSA.
Qed jirriżulta li l-maġġor parti tal-kumpaniji huma onshore companies, jiġifieri kumpaniji li joperaw f'Malta, li jħaddmu n-nies f'Malta u li jħallsu mal-35% f'taxxa, li hija r-rata domestika.
Minkejja dan, is-sit tal-ICIJ jgħid illi dawn il-kumpaniji huma parti minn dak li qed jissejjaħ 'Offshore Leaks Database.'
L-ewwel ħarsa turi illi fost dawk li qed jissemmew fuq il-Paradise Papers hemm l-Knisja, tal-Museum, sorijiet u saħansitra klabbs tal-futbol u l-Għaqda tal-Pitkali.
Fost il-kumpaniji msemmijin fil-Paradise Papers hemm; Is-Sirens Aquatic Club, Sannat FC, il-PN, il-PL, il-Malta Enterprise, kulleġġi u skejjel privati fosthom St. Edwards, id-Djoċesi t'Għawdex, l-Għaqda Bdiewa Progressiva, l-Azzjoni Kattolika, il-MUSEUM, IL-Kooperattiva Produtturi tal-Ħalib u ħafna kumpaniji oħrajn li huma kollha rreġistrati, legali, pubbliċi u li jħallsu r-rata domestika f'taxxa.
Jinkludu kumpaniji tal-proprjetà, kumpaniji tal-midja, kostruzzjoni u anke kumpaniji li huma mmexxjin mill-familji.
Il-lista, tant tinkludi lil kull kumpanija li fiha hemm inkluż ukoll ditti legali diversi, fosthom ukoll dik illi fiha hemm Direttur Peter Caruana Galizia (BCGL Services Ltd.). Matthew Caruana Galizia huwa ġurnalist mal-ICIJ. Tinkludi wkoll, lill-Gvern ta' Malta.
Diversi nies għamlu kuntatt ma' dan is-sit fl-aħħar ħin, b'uħud jesprimu sorpriża kif isimhom spiċċa fuq din il-lista, għalkemm ma damux ma ndunaw li fil-fatt din kienet il-lista tal-kumpaniji kollha rreġistrati mal-MFSA. Oħrajn ma tantx kienu sodisfatti illi isem il-kumpanija tagħhom, flimkien mad-dettalji kollha tagħhom, qed jidhru f'lista illi b'xi mod jew ieħor tista' timplika li qed jevadu it-taxxa jew joperaw f'segretezza meta dan mhux il-każ.