It-tneħħija tal-billboards; 'Il-liġi sservi biss lil min għandu l-poter'

Jitneħħew billboards u strixxuni li jibagħtu messaġġ favur il-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia u li ttellgħu mingħajr permess

Grupp ta' nies ineħħu l-billboards mtellgħin mill-Occupy Justice
Grupp ta' nies ineħħu l-billboards mtellgħin mill-Occupy Justice

Fi stqarrija li bagħtu il-grupp Occupy Justice kien żvelat kif numru ta' billboards b'messaġġi li jfakkru li għadha ma saritx ġustizzja ma' Daphne Caruana Galizia tneħħew ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-7:00 p.m. 

"Dak li ġara ilbieraħ huwa episodju ieħor ta' reġim li juża l-poter biex jgħaffeġ fuq il-libertajiet bażiċi ta' dawk li jikkritikawh," jinsisti l-grupp Occupy Justice. 

Il-grupp li twieled ftit wara l-qtil ta' Caruana Galizia permezz ta' protesta quddiem Kastilja,  jammetti li l-Gvern seta' kellu kull raġuni biex jinforza t-tneħħija tal-billboards in kwistjoni, li milli jidher għalhekk tneħħew għax ma kienx hemm permess għalihom. Xorta iżda jikkritika dan l-att bħala wieħed li kellu l-għan li jsikket il-messaġġ li qed jibgħat l-istess grupp. 

"Il-Gvern għażel is-7 p.m. nhar il-Ġimgħa, u apparti li ħoloq ħafna traffiku u kaos, ikkombina dan l-att vili ta' soppressjoni mal-mument li aħna konna l-Belt quddiem il-mafkar ta' Caruana Galizia." 

Qieħed mill-billboards li tneħħa matul il-lejl
Qieħed mill-billboards li tneħħa matul il-lejl

Occupy Justice  jakkuża lill-Gvern illi bħal dawk li qatluha biex iwissu lil min kien qed itiha l-informazzjoni, "il-Gvern uża dan l-inċident biex iwissi illi kull min jipprovdi servizz lis-soċjetà ċivili jiffaċċja t-tpattija tal-Gvern."

"Dan ma jissorprendi lil ħadd," tkompli tgħid l-istqarrija, "il-klima ta' biża' li ħatfet lin-nazzjoni hija ġġustifikata bl-applikazzjoni tal-liġi li sservi biss l-interessi ta' dawk li għandhom il-poter." 

"Dan l-interess kollu biex ikunu infurzati il-liġijiet jikkuntrasta mal-protezzjoni li l-Gvern qed jagħti lin-nies li huwa evidenti li għandhom ikunu investigati u forsi jittieħdu proċeduri kriminali kontrihom ukoll," tkompli tgħid l-istqarrija b'referenza għall-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri.

 

 

More in Politika