Il-President Coleiro Preca tinsisti li hi qatt ma kellha r-responsabbilità ta’ Paqpaqli
Marie Louise Coleiro Preca tgħid li hi ltaqgħet mal-organizzaturi ta’ Paqpaqli darba biss
minn Albert Gauci Cunningham
Il-President Marie Louise Coleiro Preca wieġbet għall-kritika li qed issir fil-konfront tagħha dwar ir-responsabbilità tagħha fl-organizzazzjoni tal-attività Paqpaqli għall-Istrina. Dan wara illi l-President Emeritus George Abela f’każ separat minn dak li fih kienet qed tixhed il-President, qal illi r-responsabbilità ta’ din l-attività taqa’ kollha fuqu u għalhekk ikkontradixxa xhieda ta’ Coleiro Preca li saħqet li r-responsabbilità tal-attività ma kinitx tagħha.
Waqt l-edizzjoni ta' Paqpaqli tal-2015, is-sewwieq Paul Bailey kien tilef il-kontroll u baqa’ dieħel bil-karozza fil-pubbliku u weġġgħu 23 persuna. B’referenza għal dan il-każ, il-President fakkret kif hi kienet irrinunzjat minn jeddha l-immunità Kostituzzjonali tagħha u għażlet li tixhed quddiem il-Qorti biex tippreżenta l-fatti kif tafhom.
“Iżda l-Uffiċċju tal-President irid jiċċara serje ta’ ineżattezzi dwar l-involviment ta’ dan l-uffiċċju f’din l-attività li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-fatti,” sostniet il-President tar-Repubblika.
“Hu korrett li jiġi mistqarr li l-attività Paqpaqli għall-Istrina mtellgħa bl-intenzjoni nobbli biex tiġbor fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation bdiet qabel ma l-President inħatret President ta’ Malta fl-2014. Iżda l-Uffiċċju tal-President jibqa’ jinsisti li ma kellu x’jaqsam xejn mal-organizzazzjoni tal-istess attività u li altru mill-inkoraġġiment biex jkompli jsir il-ġbir, “il-President ma kellha assolutament l-ebda parti fl-organizzazzjoni ta’ din l-attività.”
L-istqarrija tkompli tgħid li l-President iltaqgħet f’okkażjoni waħda, f’Lulju 2015, mat-team ta’ Paqpaqli għall-Istrina, meta attendiet parti minn laqgħa iżda ma ħadet l-ebda deċiżjoni sostantiva f’dan ir-rigward.
“Lanqas m’assumiet xi rwol organizzativ f’Paqpaqli għall-Istrina. Kienet tkun irresponsabbiltà bħala Kap tal-Istat li tagħmel dan meta ma kellha ebda għarfien u kompetenza teknika fil-karozzi. L-involviment tal-Malta Community Chest Fund Foundation f’Paqpaqli għall-Istrina kien strettament limitat għal appoġġ amministrattiv u reklamar u biex tkopri l-ispejjeż relatati mal-attività. Kwalunkwe stqarrija b’kuntrarju għal dan hi qarrieqa u tgħawweġ il-verità.
“Hu wkoll pertinenti li jiġi mistqarr li f’April 2015 - sitt xhur qabel l-inċident ta’ Paqpaqli għall-Istrina - ittieħed pass importanti biex tinħoloq distinzjoni ċara bejn l-Uffiċċju tal-President u l-Malta Community Chest Fund Foundation,” kompliet l-istqarrija.
Il-President kompliet tfakkar li din il-bidla radikali fil-Malta Community Chest Fund ġiet riflessa fil-kostituzzjoni tagħha u dan peress li ġiet imwaqqfa formalment bħala fondazzjoni skont il-liġi. B’hekk, effettivament, id-dipendenza tal-Malta Community Chest Fund Foundation fuq il-Kap tal-Istat inbidlet kompletament ir-relazzjoni li qabel kienet teżisti bejn it-tnejn.
L-Uffiċċju tal-President afferma mill-ġdid li minn meta seħħ dan l-inċident orribbli, l-oġġettiv ewlieni tiegħu kien li jesprimi solidarjetà mal-vittmi u biex jikkopera mal-awtoritajiet ħalli jiġi assigurat li jiġu stabbiliti l-fatti.
Filwaqt li għandhom jiġu ċċarati l-impressjonijiet żbaljati li qamu, l-Uffiċċju tal-President jixtieq ukoll jappella lil kulħadd biex ma jintqalux ineżattezzi u inkorretezzi li ma jservu għal xejn ħlief li jostakolaw il-verità u biex issir ġustizzja vera.
Nhar il-Ħamis, fil-Qorti George Abela saħaq li r-responsabbilità ta’ kull attività li ssir taħt l-isem tal-MCCF, taqa’ fuq spallejn il-President.
Spjega li skont l-istatut, id-deċiżjonijiet kienu jittieħdu minn Bord Amministrattiv immexxi mill-President.
Skont George Abela, fi żmien meta hu kien President, l-attivitajiet kienu jiġu skrutinizzati minn kumitat ċentrali u għalkemm ma kienx ikun preżenti għal kull laqgħa kien jassigura li jkun infurmat b’dak kollu li jkun qiegħed jiġri.