‘L-unika 10 fabbriki vojta huma maqbudin f’kawżi legali’

Hekk kif kompliet tiżvolġi l-kontroversja tal-art fiż-Żejtun proposta biex issir fabbriki, is-CEO tal-MIP Karl Azzopardi jgħid li kuntrarjament għal perċezzjoni, l-fabbriki vojta huma ftit....

Hekk kif għadha għaddejja l-kontroversja dwar 120,000 metru kwadru ta’ art fil-limiti taż-Żejtun mmarkata għall-iżvilupp industrijali, din il-gazzetta tista’ tiżvela illi l-Malta Industrial Parks (MIP) għandha biss 10 fabbriki li huma vojta. Għall-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta l-Kap Eżekuttiv tal-MIP Karl Azzopardi żvela kif “kuntrarjament għall-impressjoni li tista’ qed tingħata il-proprjetajiet industrijali vakanti li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-MIP huma limitati ħafna. Fil-fatt,” ikompli jgħid Azzopradi, “hemm 10 proprjetajiet biss li lkoll huma maqbudin f’kawżi legali u allura qed jistennew l-proċess tal-Qorti.”

Dwar dan, Azzopardi jgħid illi l-Gvern rreveda l-leġiżlazzjoni biex iħaffef il-proċess ta’ żgombru bl-iskop li jkun hemm aktar effiċjenza.

Diversi ambjentalisti, prinċipalment l-Perit Ruben Abela li qed imexxi l-għaqda Wirt iż-Żejtun, qed jargumentaw li ma jistgħux jifhmu kif qed tkun proposta li tittiħed aktar art biex issir fabbriki meta hawn tant fabbriki vojta madwar il-pajjiż.

Il-Malta Industrial Parks tirribatti dan il-punt iżda billi tiġbed l-attenzjoni illi apparti li huma ftit dawk il-fabbriki li huma realment vojta, hemm numru ta’ fabbriki oħrajn li għalkemm jidhru li huma vojta, fil-fatt qed jistennew li jidħlu fihom kumpaniji ġodda. Dawn il-fabbriki jammontaw għal total ta’ 40,000 metru kwadru f’termini ta’ art.

Ta’ min wieħed jiftakar illi l-MIP tamministra total ta’ 2.6 miljun metru kwadru f’art allokata għall-iżvilupp industrijali madwar il-pajjiż kollu.

Fost il-kritiċi tal-iżvilupp fiż-Żejtun kien hemm ukoll min staqsa jekk il-pajjiż għandux bżonn din l-art kollha industrijali. Azzopardi jwieġeb lill-gazzetta ILLUM billi jagħti elenku estensiv ta’ kemm ġiet attirata industrija lejn pajjiżna fl-aħħar ħames snin.

Huwa jibda jispjega kif fl-aħħar ħames snin (mill-2013), apparti li n-numru ta’ fabbriki u proprjetajiet industrijali vojta naqas b’mod drastiku, kienu approvati ftit inqas minn 500,000 metru kwadru (daqs 70 piċċ tal-futbol) f’art għal skopijiet ta’ żvilupp industrijali. Din l-art kienet tfisser 300 proġett li huma, fil-maġġoranza l-kbira tagħhom, żvilupp ġdid flimkien ma’ xi espansjonijiet ukoll.

“Dan kollu jeħtieġ jittieħed fil-kuntest tat-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna li wassal biex żdiedu ż-żoni industrijali. Matul dan il-perjodu irnexxielna nattiraw livell bla preċedent ta’ investiment li fl-aħħar mill-aħħar se jfisser aktar ħolqien ta’ xogħol u benefiċċji oħrajn,” sostna Azzopardi ma’ din il-gazzetta.

Huwa ppreċiża wkoll illi 37 proġett mit-300 għadhom qed jistennew allokazzjoni, b’25,000 metru kwadru ta’ art meħtieġa għalihom filwaqt illi jidher li fil-futur immedjat  se jkunu ikkunsdrati mat-68 proġett. Dawn se jirrikjedu 90,000 metru kwadru ieħor ta’ art.

Dan allura jgħodd għal 115,000 metru kwadru, jew id-daqs tal-iżvilupp li qed ikun propost li jsir fl-akkwata taż-Żejtun.

Proposta biex tkun innegozjata art bil-kuntratt, imma li mhux qed tkun wżata

Azzopardi tkellem ukoll dwar l-istrateġija ‘l quddiem tal-MIP li fissriha f’numru ta’ punti. Fost dawn hemm li l-MIP trid li jkunu wżati bl-aħjar mod dawk l-artijiet li huma riżervati għall-iżvilupp industrijali permezz ta’ pjanar aħjar. L-MIP qed tara wkoll il-possibilità li tirrevedi operazzjonijiet eżistenti bil-għan illi jkun innegozjat spazju lura lilha biex jerġa jkun rilokat mill-ġdid. Dan ifisser, spjega Azzopardi, illi fejn hemm fabbriki li minħabba raġunijiet diversi m’għadx għandhom bżonn l-ammont ta’ spazju li ingħataw meta kien iffirmat l-kuntratt mal-Gvern, jinnegozjaw mal-MIP biex dak l-ispazju jingħata lura. Finalment, l-MIP qed tara wkoll li jkun hemm żvilupp f’artijiet li huma mmarkati bħala żoni industrijali u li għadhom mhux mittiefsa, basta dejjem ikun aċċertat li kull metru kwadru se jkun “użat b’mod adegwat.”

Il-kwistjoni tal-art fiż-Żejtun matul din il-ġimgħa kompliet tiġbed l-attenzjoni tal-midja, speċjalment ta’ din il-gazzetta li bdiet issegwi l-istorja ta’ dan il-grupp ta’ bdiewa minn ġimgħatejn ilu.

Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun esprima lilu nnifsu kontra dan l-iżvilupp u ħabbar li se jkun qed jikteb lill-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Ambjent u Tibdil fil-Klima Josè Herrera. Il-Partit Nazzjonazlista fakkar illi l-iSPED jgħid ċar u tond li "art agrikola tajba għandha tiġi protetta milli tkun żviluppata. Tgħid ukoll li fejn l-iżvilupp ma jistax isir post ieħor għajr f'postijiet rurali, wieħed għandu jagħżel post li huwa diġà identifikat bħala area of containment, jew li diġà kien żviluppat qabel, jew li diġà għandu bini fuqu u dan filwaqt illi dan l-iżvilupp propost irid itejjeb l-ambjent rurali."

"Il-pjan lokali għan-nofsinhar ta' Malta." ikompli jfakkar il-PN, "jiddikjara li din l-art agrikola hija identifikata bħala art ta’ valur agrikolu għoli u tesiġi li qabel kull żvilupp isir l-istudju.” Il-PN staqsa jekk sarx dan l-istudju u jekk le, għalfejn.

Minn naħa tiegħu l-Partit Laburista sostna illi din l-art ingħatat għall-iżvilupp industrijali lura f’Diċembru 2009 meta responsabbli mill-Artijiet kien hemm l-istess Jason Azzopardi.

Il-PM Muscat bħad-Deputati kollha tal-PL fuq it-Tielet Distrett, nhar il-Ħadd li għadda qal illi l-Gvern qed jipprova jsib il-bilanċ fejn jirrigwarda din il-kwistjoni.

L-Alternattiva Demokratika u anke l-Partit Demokratiku qed jappoġġjaw lill-bdiewa, fit-talba tagħhom biex din l-art tkun salvata.

More in Politika