Grupp ta' nisa kienu qegħdin bilqiegħda fuq ħajt baxx jistennew barra l-klabb meta resqu żewġt irġiel ħdejhom. Wieħed staqsa għal sigarett u staqsa wkoll jekk Mikaela għandhiex għarus. Lanqas laħqet weġbitu li ma ħariġx sikkina u ppuntaha ma' għonqa.
Din kienet parti mill-esperjenza li għaddew minnha grupp ta' tfajliet, inkluż il-kantanta Mikaela Attard, meta nhar is-Sibt 18 ta' Frar sfaw allegatament attakkati minn Munir Mohamed Ali Gammudi mil-Libja u li għandu 37 sena. Huwa qed ikun akkużat b'serq aggravat u li kien qed iġġorr sikkina fuqu meta seħħ l-attakk.
Meta kienet qed tixhed illum fil-Qorti, il-ħabiba ta' Mikaela, Monica Agius spjegat kif malli għamlilha s-sikkina ma' għonqa, Mikaela qabdet tippanikkja u qaltlu "int bis-serjetà?" qabel ma tagħtu daqqa bil-handbag u t-tfajliet telqu kollha jiġru. Dan sakemm l-irġiel laħquhom bl-akkużat jagħti numru ta' daqqiet ta' sikkina lil Mikaela, jew għallinqas b'Agius tara lill-akkużat jagħmel movimenti li kienu jidhru illi kien qed jagħtiha daqqiet ta' sikkina.
F'dak il-punt l-akkużat flimkien ma' xi irġiel oħrajn qabdu jiġru bit-tfajliet, jiġru warajhom. Fil-Qorti Agius spjegat kif huma bdew jiġru wara l-irġiel mhux biex jilħquhom imma biex jgħaddu minn fejn stabbiliment fejn kien hemm il-bouncers u allura jattiraw l-attenzjoni.
L-akkużati spiċċaw mal-art wara li qabduhom l-uffiċjali tas-sigurtà.
Wara li l-vittmi marru l-għassa tal-Pulizija fejn għamlu rapport, reġgħu lura lejn l-istabbiliment fejn kienu qegħdin meta ġew attakkati.
Il-Qorti iddikjarat li hemm biżżejjed evidenza biex jibdew proċeduri kriminali kontra Gammudi.
L-Avukat Noel Bartolo qed jidher bħala difiża filwaqt li l-Ispettur Matthew Spagnol qed imexxi l-Prosekuzzjoni.