Il-Viċi Sindku Nazzjonalista ta' San Ġiljan Albert Buttigieg ma kellux kliem sabiħ għall-iżvilupp li qed iseħħ, jew ippjanat li jseħħ, fil-lokalità li jmexxi u lanqas għall-partit tiegħu u l-mod kif ivvota dwar il-proġett ta' Mercury House u Villa Rosa.
Buttigieg f'artiklu fuq il-gazzetta The Times akkuża lill-Gvern illi mhux biss qed jakkomoda lill-iżviluppaturi iżda qed jiddiskredita u jagħti l-ġenb lil dawk li qed joġġezzjonaw għall-iżvilupp u għaqdiet mhux governattivi. "Il-gvern," jgħid Buttigieg, "huwa determinat li jaġevola r-rgħiba partikolari tal-fat cats, bi ftit jew xejn kunsiderazzjoni għall-ġid komuni. Il-ġid komuni sar sekondarju..."
Iżda l-kritika ta' Buttigieg ma tieqafx mal-Gvern hekk kif jinsisti li dan mhux waħdu f'dak li qed isejjaħ "l-iżmantellar tal-ambjent u l-istituzzjonijiet biex ix-xemx tkompli tiżreġ fuq il-ftit...". Buttigieg jgħid li l-PN, li sa ftit ilu kien qed jaħdem biex jirranġa l-iżbalji passati fl-ambjent, vvota favur il-proġetti ta' Mercury House u Villa Rosa f'San Ġiljan. "Dan ġie bħala sorpriża u ħalla lil ħafna perplessi fid-dawl tal-argumenti li nġiebu mill-PN dwar il-Masterplan ta' Paceville. Il-konsistenza hija importanti għal kredibilità. Il-PN irid jiddeċiedi fuq liema naħa se jkun. Ma jistax jipprova jintogħġob ma' kulħadd."
Dak li qal Buttigieg jiġi wara li s-sena l-oħra kienet qamet kritika qawwija fil-konfront ta' Masterplan għal Paceville, b'akkużi diversi fosthom nuqqas ta' konsultazzjoni u li kollox kien qed jorbot ma' proġett u żviluppatur wieħed partikolari.
Il-Partit Nazzjonalista kien ikkritika dan id-dokument bil-qawwi filwaqt li mal-ILLUM l-eks Segretarju Parlamentari Deborah Schembri kienet fakkret illi r-rapport kien wieħed preliminari u li ma kien għad hemm xejn finali.
Il-Partit Nazzjonalista ffaċċja r-riżenja tal-Kunsillier ta' Wied il-Għajn Charlot Cassar ġimgħatejn ilu, hekk kif ħass li l-bidla fid-direzzjoni fil-kwistjoni tal-ambjent fissret li postu m'għadux ma' dan il-partit. Cassar kien voċiferu ħafna fil-kwistjoni taż-Żonqor u apparti li kien qed jappoġġja l-kandidatura ta' Chris Said għat-tmexxija tal-PN, kien il-bniedem li ressaq ittra lill-Kunsill Amministrattiv tal-PN biex jinvestiga l-allegazzjonijiet fil-konfront ta' Adrian Delia, dak iż-żmien kandidat għat-tmexxija tal-PN.
F'kuntatt ma' dan is-sit Buttigieg xtaq jiċċara li dak li kiteb bl-ebda mod ma juri xi nuqqas ta' lealtà lejn it-tmexxija tal-PN, imma li hu qed iħares lejn il-kwistjoni kollha u jixtieq li jippreżenta lill-poplu b'veduta oġġettiva ta' dak li qed jiġri fil-lokalità fejn jgħix f'termini ta' żvilupp.