Waqt il-programm XTRA l-Kap tal-Oppożizzjoni indika bl-aktar mod ċar li anke jekk id-distakk bejn iż-żewġ partiti fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew is-sena d-dieħla jibqa' l-istess bħal dik tal-aħħar elezzjoni hu jibqa' Kap tal-PN , anzi jaħdem iktar biex il-PN jirbaħ l-elezzjoni ġenerali. Huwa ddeskriva l-elezzjoni ġenerali bħala l-ewwel test kbir vera tiegħu bħala Kap tal-PN.
Delia ħabbar illi issa l-partit se jkun qed jorganizza numru ta' maratoni ta' ġbir ta' fondi li ddeskriva bħala importanti għaliex "is-suċċess fil-ftit li niġbru mingħand il-ħafna, jfisser li n-nies qed juru l-fiduċja fil-partit."
Delia qal illi fl-erba' snin u nofs li ġejjin il-PN se jkun qiegħed jaħdem u jipprepara għall-elezzjoni, filwaqt li ċċara wkoll illi anke jekk id-distakk bejn iż-żewġ partiti jibqa' l-istess, hu se jaħdem iktar biex jilħaq l-mira tal-partit "minn hawn u erba' snin u nofs oħra."
Dwar l-aħħar stħarriġ tal-gazzetta Maltatoday li turi illi hemm distakk ta' 90,000 bejn iż-żewġ partiti bħalissa, Delia qal illi huwa jevalwa l-istħarriġ pero irid jisma' aktar lin-nies.
Huwa qal illi iktar milli jissakkar fl-uffiċċju, se jkun qed jaċċerta li jiltaqa' ma' kemm jista' jkun nies, kuljum
"Il-barometru tiegħi qed jgħid illi n-nies reġgħu qed iħossuhom komdi jitkellmu mal-PN, mhux qed ngħid li qed jagħtuna l-fiduċja, imma għallinqas qed ikellmuna."
Finalment huwa ddeskriva r-relazzjoni tiegħu mal-eks Kap tal-PN Simon Busuttil bħala waħda tajba, imma mhux xi waħda intensiva, fil-fatt indika li ftit li xejn jiltaqgħu. Qal ukoll iżda li l-partit se jagħti l-ispazju kollu lil dawk li lesti jpoġġu l-ġid tal-partit fuq quddiem, filwaqt li indika li dawk li se jinsistu li ma jikkoperawx jista' jkollhom trattatent differenti.