Il-Gvern jikseb l-approvazzjoni ta’ Sqallija għal interconnector ġdid
L-awtorità reġjonali ta’ Sqallija tat il-kunsens uffiċjali tagħha biex Malta tiżviluppa t-tieni Interconnector
More in Politika
L-awtorità reġjonali ta’ Sqallija tat il-kunsens uffiċjali tagħha biex Malta tiżviluppa t-tieni Interconnector
L-awtorità reġjonali ta’ Sqallija tat il-kunsens uffiċjali tagħha biex Malta tiżviluppa t-tieni Interconnector (IC2).
Din l-approvazzjoni, magħrufa bħala "Intesa Finale," tikkostitwixxi pass kruċjali għall-implimentazzjoni tal-IC2. L-aħħar pass fil-proċess ta’ applikazzjoni fl-Italja huwa l-awtorizzazzjoni finali mill-Ministeru għall-Ambjent u s-Sigurtà Enerġetika (MASE), li l-proċess ta’ konsultazzjoni tiegħu aktar kmieni din is-sena kien ta’ riżultat pożittiv.
Il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, esprimiet ir-rikonoxximent tagħha lill-President tar-Reġjun ta’ Sqallija, Renato Schifani, għall-kollaborazzjoni b’saħħitha fuq dan il-proġett. “It-tieni interconnector huwa importanti biex nilħqu l-viżjoni tagħna għal enerġija sostenibbli, billi nżidu s-sehem tal-enerġija rinovabbli u nsaħħu l-ambizzjonijiet tagħna għad-dekarbonizzazzjoni,” qalet Dalli.
L-Interconnector il-ġdid, b’tul totali ta’ 122 kilometru li jinkludi cable taħt il-baħar ta’ 99 kilometru, se jirdoppja l-konnessjoni elettrika attwali ta’ Malta man-netwerk Ewropew. Dan se jkun pass importanti biex jitnaqqas id-dipendenza ta’ Malta fuq sorsi tradizzjonali tal-enerġija u jiżdied l-aċċess għal enerġija aktar nadifa.
Is-CEO ta’ Interconnect Malta, l-Inġ. Ismail D’Amato, qal li din l-approvazzjoni pożittiva ġġib lill-kumpanija pass eqreb biex tikseb il-permess neċessarju għall-iżvilupp fl-Italja. “Huwa fattur importanti biex navvanzaw fl-eżekuzzjoni tal-IC2, li issa qiegħed jidħol fil-fażi tal-implimentazzjoni. Qegħdin eqreb lejn il-konsolidazzjoni tax-xogħol kollu mwettaq sa mit-twelid tal-proġett,” spjega D’Amato.
Il-proġett IC2 qed jiġi ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2021-2027. Fl-istess waqt li għaddej il-proċess ta’ permess fl-Italja, Interconnect Malta qed taħdem ukoll fuq il-proċessi ta’ tendering għal kuntratti varji ta’ inġinerija, provvediment, u xogħlijiet ta’ kostruzzjoni biex twettaq il-proġett.
Fil-ġimgħa li għaddiet inħareġ wkoll avviż preliminari għall-manifattura, installazzjoni, u xogħlijiet ċivili ta’ reattur varjabbli ta’ 132kV, 50-120MVAr, fil-Magħtab Terminal Station f’Malta, li se jkun parti mill-infrastruttura ġenerali tal-IC2.