15-il sena. Tliet appuntamenti. Nhar id-9 ta’ Marzu.....f'Malta

Ġurnata bħall-oħrajn. Imma mhux f’Malta. Id-9 ta’ Marzu timmarka tliet appuntamenti elettorali li biddlu d-destin tal-poplu Malti u l-fortuni tal-PN u l-PL

Id-disa' ta' Marzu; Appuntament mad-destin.
Id-disa' ta' Marzu; Appuntament mad-destin.

Id-9 ta’ Marzu. Mija u erbgħin sena qabel Kristu l-Imperatur Wu ta’ Han jassumi t-tron tad-Dinastija HAN fiċ-Ċina f’din il-ġurnata, fl-1918 il-Partit Bolxevista jsir il-Partit Komunista u l-Isptunik 9 jieħu kelb, żrinġ u fenek tal-Indi fl-ispazju u jerġa’ lura bihom ħajjin. U f’Malta? F’Malta din id-data tibqa’ waħda illi fiha fl-aħħar 15-il sena ttieħdu tliet deċiżjonijiet importanti li ħallew effett fuq Malta u d-destin ta’ pajjiżna kif ukoll impattat u ħalliet il-marka fuq iż-żewġ partiti politiċi Maltin.

Eddie Fenech Adami imexxi l-kampanja biex Malta ssir membru tal-UE
Eddie Fenech Adami imexxi l-kampanja biex Malta ssir membru tal-UE

Malta tagħżel li ssir parti mill-Unjoni Ewropea

Nhar id-9 ta Marzu, is-sena kienet l-2003, il-poplu għażel ‘IVA’ biex pajjiżna jsir part mill-Unjoni Ewropea. Bla dubju din kienet l-aktar deċiżjoni kruċjali li ħa pajjiżna f’dawn l-aħħar 20 sena u li mmarkat id-destin tiegħu.

Dakinhar maġġoranza konsiderevoli tal-poplu Malti vvota biex pajjiżna jsir membru sħiħ tal-UE, u allura jsir parti minn wieħed mill-aktar blokok politiċi u ekonomiċi b’saħħithom fid-dinja.

Dakinhar b’143,094 vot (53.6%) il-kamp tal-‘IVA’ rebaħ dan ir-referendum b’distakk ta’ voti ta’ 19,466, li sa dak iż-żmien kien fil-fatt l-akbar distakk elettorali.

Il-kamp ta’ favur sħubija fl-UE, kien immexxi mill-Partit Nazzjonalista, li dak iż-żmien kellu fit-tmun tiegħu lill-eks Prim Ministru u President Emeritus Eddie Fenech Adami.

Fil-fatt sħubija ma’ dan il-blokk politiku Ewropew kienet prattikament parti integrali mir-raġuni għall-eżistenza tal-Partit Nazzjonalista minn ftit wara li kien elett mill-ġdid fl-1987. Kien l-eks Ministru tal-Affarijiet Barranin Guido de Marco li fis-16 ta’ Lulju 1990 applika biex Malta  ssir membru sħiħ tal-UE.

It-triq kienet twila, fil-fatt itwal milli ħasbu xi wħud, bil-PN jitlef l-elezzjoni tal-1996 u minfloku jkun elett il-Malta Labour Party immexxi mill-eks PM Alfred Sant li wiegħed illi jwaqqaf l-applikazzjoni ta’ Malta fl-UE u minflok pajjiżna jibni relazzjoni “speċjali” mal-UE, simili għal dik li għandha l-Iżvizzera u n-Norveġja mal-istess blokk politiku.

Mass meeting tal-PN biex Malta ssir membru tal-UE
Mass meeting tal-PN biex Malta ssir membru tal-UE

Ironikament l-istorja politika trid li l-applikazzjoni kellha terġa’ tkun attivata wara d-deċiżjoni ta’ Mintoff li jivvota kontra l-proġett tal-Kottonera li miegħu kien marbut vot ta’ fiduċja fil-Gvern li kien imexxi Sant.

Il-kampanja tal-PN fl-1998, kienet immarkata bil-kwistjoni tal-UE, bil-messaġġ elettorali tal-istess partit ikun ‘Ġid. Fiduċja. Direzzjoni’, naturalment bl-aħħar kelma tkun tirrapreżenta l-għajta tal-istess partit favur sħubija fl-UE. Il-PN kien rebaħ dik l-elezzjoni  b’51.8% tal-voti, filwaqt li l-MLP kien tilef b’46.9%.

Il-Gvern il-ġdid irriattiva l-applikazzjoni ta’ sħubija mal-UE biex fid-9 ta’ Marzu 2003 sar referendum li kien kumbattut ħafna. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alfred Sant ippreżenta front qawwi kontra sħubija fl-UE u favur ‘Partnership’ jew arranġament speċjali mal-UE, xi ħaġa simili għal dak li qed tipprova tilħaq ftehim dwaru r-Renju Unit  bħalissa. Sant kien ħeġġeġ lill-partitarji tiegħu biex jivvutaw le, ma jivvutawx jew inkella jħassu l-vot. Dan allura kien ifisser illi meta tieħu l-voti kollha eleġibbli f’dak ir-referndum (297,881) kienu 48% dawk li vvutaw ‘IVA’.

Sant kien iddikjara allura li l-Partnership kien rebaħ u għal mumenti, anke jekk mhux twal iżżejjed kien hemm żewġ gruppi ta’ ċelebrazzjonijiet, dawk mill-PN u dawk mill-MLP, fit-toroq.

Id-9 ta’ Marzu 2003 u l-għada kienu tassew mumenti politiċi ‘interessanti’ u kkuluriti.

L-eks PM Fenech Adami u Sant qablu iżda li l-elezzjoni kellha allura tiddeċiedi u tirriafferma d-deċiżjoni tal-poplu, bil-PN jerġa’ jirbaħ l-elezzjoni tal-2003 ftit wara r-referendum b’51.7% tal-voti.

Gonzi jirbaħ elezzjoni ġenerali li ftit ħasbu li jista' jirbaħ
Gonzi jirbaħ elezzjoni ġenerali li ftit ħasbu li jista' jirbaħ

Malta tagħżel lill-PN, kontra dak kollu mistenni...

Ir-referendum ma kienx l-unika data elettorali fid-9 ta’ Marzu f’pajjiżna. Fil-fatt fl-istess ġurnata ħames snin wara kien qed jerġa’ jkun ikkonfermat Gvern Nazzjonalista, f’elezzjoni li tibqa’ storika għal bosta raġunijiet.

L-ewwel nett, il-PN rebaħ kontra kull mistenni u kien qed jidher dejjem iktar ċar illi settur kbir tal-popolazzjoni, settur li kien qed jikber fil-fatt, ma kienx għadu jrid lill-PN fil-Gvern. Fil-fatt osservaturi politiċi u anke diversi stħarriġ li saru minn kmamar tal-aħbarijiet juru illi l-2008 kienet timmarka l-ewwel grupp ta’ switchers li kienu jivvutaw PN, speċjalment minħabba l-kwistjoni tal-UE, imma li f’dik l-elezzjoni vvutaw PL. L-eks Mexxej Laburista Alfred Sant kien farfar xi ftit mill-immaġini negattiva li kien kiseb waqt ir-referendum, biżżejjed biex jerġa’ jidħol fiċ-ċans illi fil-fatt jirbaħ elezzjoni, xi ħaġa li bosta kienu ħasbu li qatt ma tista’ terġa’ tiġri.

Kienet storika għax s’issa tibqa’ mmarkata wkoll bl-iżgħar distakk elettorali fl-istorja politika, li, probabbilment tiġġustifika it-teorija li settur kbir ta’ votanti kienu abbandunaw lill-PN wara li sħubija mal-UE kienet garantita. Fil-fatt id-distakk bejn il-partiti kien biss ta’ 1,580 u preżenta lill-PN b’maġġoranza ta’ siġġu.

Kien storiku wkoll minħabba li ssolidifika r-riżultat li mbagħad kiseb il-Partit Laburista f’kull elezzjoni oħra kemm tal-Parlament Ewropew kif ukoll ġenerali. Osservaturi politiċi jargumentaw li fil-fatt l-istat xejn tajjeb tal-PN illum, huwa primarjament frott ta’ dik ir-rebħa, li bosta jsejħu pirrika, għaliex il-ħames snin ta’ wara komplew iffomentaw diżillużjoni kbira fil-PN li wassal biex Deputati tiegħu stess irribellaw kontrih fil-pubbliku, u fil-każ ta’ Franco Debono, ivvota kontrih u kontra diversi membri tal-istess Gvern (Carm Mifsud Bonnici, Richard Cachia Caruana...). Il-PN tilef lid-deputati Franco Debono, Jeffrey Pullicino Orlando, Jesmond Mugliette u anke lid-Deputat Jean Pierre Farrugia.

Id-9 ta’ Marzu 2008, immarkat l-aħħar darba li l-eks PM Gonzi ħa l-ġurmanent ta’ PM u  l-bidu tal-karriera ta’ Joseph Muscat bħala Mexxej Laburista. Immarkat ukoll id-dħul ta’ Malta fiż-Żona Ewro u allura t-tneħħija tal-lira Maltija għall-munita ewro, xi ħaġa li probabbilment ma kinitx tiġri, jew kienet tieħu aktar żmien kieku sar PM Alfred Sant li ħa interess u għandu għarfien qawwi fis-suġġett tant li kiteb tliet kotba fuq l-istess suġġett.

Id-9 ta’ Marzu 2008 kienet immarkata minn ċelebrazzjonijiet kbar fil-pajjiż, fost is-sorpriża ta’ ħafna partitarji Nazzjonalisti wkoll u wara sigħat twal illi fih il-pajjiż kien maħkum f’inċertezza hekk kif ir-rebbieħ dam ma tħabbar minħabba d-distakk minimu.

Joseph Muscat, b'rebħa storika
Joseph Muscat, b'rebħa storika

Jitla’ l-Labour wara 15-il sena...

Id-9 ta’ Marzu, fis-sena 2013 il-Partit Laburista reġa tela’ fil-Gvern wara 15-il sena fl-oppożizzjoni. Din id-data hija storika wkoll għal diversi raġunijiet.

L-ewwel nett sa dakinhar kienet timmarka l-akbar distakk elettorali bejn iż-żewġ partiti bi ftit iktar minn 35,200 vot favur il-Partit Laburista u kontra l-Partit Nazzjonalista. Għalkemm ir-rebħa Laburista kienet waħda prattikament ovvja għal ħafna osservaturi u anke ċittadini, id-daqs tar-rebħa ġie bħala sorpriża anke jekk il-PL kien diġà wettaq rebħa tal-istess daqs fl-2009 (Elezzjonijiet Parlament Ewropew).

Din l-elezzjoni ssolidifikat dak li kien beda fl-2008, bi grupp kbir ħafna ta’ votanti Nazzjonalisti (sal-2008) jivvutaw PL għall-ewwel darba. Dan iċ-ċaqliq kien kbir biżżejjed biex ħoloq terremot politiku li l-pajjiż, sa dakinhar, qatt ma kien immaġina li jista’ jseħħ.

Kienet storika għaliex id-9 ta’ Marzu mmarkat l-ħatra ta’ wieħed mill-iżgħar PM ta’ pajjiżna. Il-pajjiż kien iddominat minn ċelebrazzjonijiet kbar ħafna, fost l-ikbar mir-rebħa tal-PN lura fl-1998 u fl-2003.

Id-9 ta’ Marzu 2013 wasslet għal dak li llum qed naraw bħala l-ewwel ħames snin ta’ Gvern Laburista. Snin illi kienu mmarkati minn bosta bidliet, ritmu ekonomiku qawwi ħafna, fost l-aqwa fl-Ewropa, u introduzzjoni ta’ drittijiet ċivili ġodda. Snin li kienu mmarkati wkoll iżda minn numru ta’ skandli u /jew avvenimenti li qajmu diskussjoni qawwija fil-pajjiż.

Id-9 ta’ Marzu, hija l-ġurnata illi llum tagħmilna Maltin u Ewropej, hija d-data li tagħmel lil Muscat popolari daqs kemm għadu llum u d-data li bdiet tibni eġemonija sħiħa Laburista. Id-9 ta’ Marzu hija wkoll ir-raġuni għaliex Alfred Sant huwa MEP u ma reġax sar PM u r-raġuni għalfejn il-PN jinsab fil-fondoq li jinsab f’termini ta’ popolarità.

Min jaf liema 9 ta’ Marzu jmiss li se jkompli jiddeċiedi d-destin ta’ dan il-pajjiż? Min jaf!

Il-mument li tħabbret ir-rebħa Laburista
Il-mument li tħabbret ir-rebħa Laburista

More in Politika