Paceville: Sitt snin fuq l-ixkaffa

Numru ta' proposti dwar Paceville jibqgħu ma jitwettqux, sitt snin minn mindu kienu proposti fir-rapport “Lejn iktar sigurtà u bon ordni f’Paceville”

Paceville
Paceville

Għal darb’oħra l-mekka tad-divertiment ta’ Paceville terġa’ tinsab fiċ-ċentru ta’ kritika hekk kif il-mewt taż-żagħżugħ Zack Meli kmieni l-Ħadd li għadda qajjem diskussjoni rigward is-sigurtà jew in-nuqqas ta’ sigurtà fiż-żona li hi popolari ferm mal-Maltin kif ukoll mat-turisti.

Imma din l-ewwel darba li qed niddiskutu s-sigurtà f’Paceville? Ir-risposta hi ‘żgur li le’. Mhux biss għaliex min-natura tal-lokalità, is-sigurtà tibqa’ problema (xorb, drogi, ġlied, eluf ta’ nies fi spazju zgħir…) imma wkoll għaliex f’Mejju tal-2012, sitt snin ilu Gvern Nazzjonalista kien ħejja rapport bl-isem ta’ “Lejn iktar sigurtà u bon ordni f’Paceville”. Rapport li ħafna mill-miżuri proposti fih ma ġewx implimentati. Fl-ewwel ħames snin taż-żewġ amminstrazzjonijiet Laburista kien imwiegħed inkluż ma’ din il-gazzetta li r-rapport se jkun attwat.

Imma fil-verità dan ġara?

Il-Viċi Sindku ta' San Ġiljan Albert Buttigieg
Il-Viċi Sindku ta' San Ġiljan Albert Buttigieg

13 -il sena jitolbu għall-għassa tal-Pulizija f’Paceville

Fit-22 ta’ Novembru 2015,  propju ftit jiem wara l-inċident ġewwa l-club Plus One fejn aktar minn 70 persuna kienu weġġgħu, l-ILLUM kienet irrapportat kif il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan kien ilu minn tal-anqas 10 snin jitlob għal għassa f’Paceville. Ikkuntatjat minn din il-gazzetta l-Viċi Sindku ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg ikkonferma li din it-talba għadha qed issir sal-ġurnata tal-lum. Jiġifieri Paceville għadha mingħajr għassa separata minn dik ta’ San Ġiljan.

It-toroq tal-Ġiljaniżi, il-latrini pubbliċi ta’ Paceville

Ir-rapport tal-2012 kien aċċenna wkoll fuq il-fatt li sempliċiment latrina baqgħet ma saritx. Fir-rapport il-bżonn ta’ latrina jissemma darbtejn, bir-rapport saħansitra jgħid li ħafna nies qed jispiċċaw “iħammġu t-toroq u l-parapetti ta’ residenzi privati.”

Sal-lum, sitt snin wara għadha ma saritx latrina pubblika f’Paceville.

Bouncers bil-liċenzja, lebsin l-uniformi u jitkellmu bil-Malti…

F’Lulju li għadda, wara l-inċident famuż li seħħ f’Paceville fejn żewġt irġiel sfaw imsawta minn sitt bouncers, Mark Grima, sid ta’ stabbiliment f’Paceville kif ukoll Philip Fenech mill-GRTU kkonfermaw mal-ILLUM li sentejn wara l-inċident ta’ PlusOne, minkejja diksussjonijiet u laqgħat, kien għadu ma ġie ppreżentat l-ebda pjan dwar is-sigurtà f’Paceville.

F’reazzjoni għall-istorja li rrapportat l-ILLUM l-Ministru Carmelo Abela kien żvela kif kienet se tinħoloq Awtorità li tassumi r-responsabbiltajiet tal-ħruġ tal-liċenzji tal-gwardjani privati u tirregolahom.

Abela kien spjega li din il-proposta kellha tittella’ quddiem il-kabinett u kienet tinkludi diversi emendi, fosthom li l-gwardjani privati jilbsu l-karti tal-identità apposta maħruġin mill-pulizija kif ukoll uniformi apposta. Dan flimkien mal-bżonn li min ikollu liċenzja jkun jaf jikkomunika, kemm bil-kitba kif ukoll bil-kliem, bil-Malti jew bl-Ingliż, żidied fil-multi għal min jonqos li jħares ir-regolamenti tal-liġi, l-użu tal-mezzi tal-komunikazzjoni bejn il-kumpaniji tas-sigurtà u l-impjegati tagħhom li jkunu qed jagħmlu xogħol ta’ gwardjani u tibdil fil-kurrikulu tat-taħriġ.

Nhar l-4 ta’ Marzu li għadda din il-gazzetta rrapportat kif għal darb’ oħra sitt snin wara kollox baqa’ kif kien hekk kif sid ta’ stabbiliment ilmenta dwar “kemm saret diffiċli li jħaddmu bouncers Maltin u bil-liċenzja.”

Oliver Scicluna
Oliver Scicluna

Stabbilimenti aċċessibbli għal kulħadd

L-ILLUM tkellmet ukoll maċ-Ċermen tal-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilità (KNPD) Oliver Scicluna li għal darb’oħra reġa’ kkonferma li fi snin li għaddew ma sar xejn dwar l-aċċessibbilità għal persuni b’diżabiltà f’Paceville. “Sfortunatament mil-lat ta’ aċċessibbilità għal persuni b’diżabiltà kollox baqa’ l-istess. Dan in-nuqqas ta’ aċċessibbilità  qed taffettwa l-ħajja ta’ persuni b’diżabiltà anke mil-lat tal-interazzjoni u relazzjonijiet ma’ nies oħra,” saħaq Scicluna. Kompla jsostni kif il-problema mhix biss limitata għal Paceville.

Fil-passat il-KNPD kienet ipproponiet li bħala emenda fil-Liġi għall-Opportunitajiet Indaqs tkun imposta multa massima ta’ €5,000 fuq kull stabbiliment li ma jkunx aċċessibbli.

 Philip Fenech
Philip Fenech

“Ir-realtà ta’ Paceville mhux bħal dik li qed tiġi mpinġija”

Intant l-ILLUM tkellmet ukoll ma’ Philip Fenech mill-GRTU li skontu “għalkemm hemm ħafna affarijiet li għandhom bżonn irfinar, ir-realtà dwar Paceville hi differenti ferm minn dik li qed tiġi mpinġija.”

Fenech sostna li “attwalment f’Malta qed jiġu mat-2.3 miljun turist u allura awtomatikament qed ikun hemm pressjoni kbira fuq l-infrastruttura ta’ Malta, inkluż Paceville. Rigward is-sigurtà f’Paceville skont Fenech, li hu wkolll sid ta’ stabbiliment f’Paceville jista' jkollok depot sħiħ tal-Pulizija “għaliex qatt mhu biżżejjed, għaliex fil-verità dejjem jista' jinqala’ argument f’post bħal Paceville.”

“Hemm bżonn ta’ Masterplan Soċjali għal Paceville…”

L-ILLUM tkellmet ukoll mal-Viċi Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg li skontu “jeħtieġ iktar il-bżonn ta’ ‘Masterplan’ Soċjali għall-Paceville milli master plan ta’ infrastruttura. “F’Paceville hemm problema kbira li hi l-abbuż tal-alkoħol u tad-droga,” saħaq il-Viċi Sindku  filwaqt li żied jirrimarka illi “ċertu nies huma kuntenti bis-sitwazzjoni ta’ abbuż f’Paceville.” Buttigieg iżda ma elaborax dwar dan.

Il-Viċi Sindku spjega kif għal diversi snin talbu għal attenzjoni serja fuq iż-żona ta’ Paceville. “Fl-2015 il-Gvern kien wiegħed diversi miżuri li kellhom jiġu implimentati (ara fuq), fosthom CCTV cameras fiż-żona kollha u anke żieda fil-Pulizija preżenti f’Paceville.” Buttigieg kompla jispjega kif, ilhom snin jitolbu wkoll sabiex jkun hemm għassa separata oħra f’Paceville b’pulizija li jkunu jistgħu jieħdu ħsieb l-esiġenza taż-żona.

Apparti minn dan, skont Buttigieg, “Paceville nbidel matul iż-żmien. Qabel dan kien sempliċiment post tal-villeġġatura, illum sar post tad-divertiment issa qed jerġa’ jinbidel f’post immirat għal divertiment tal-adulti. Ilna ngħidu li l-post ma jiflaħx iktar nies,” temm jgħid il-Viċi Sindku.

 

Chris Fearne- Deputat Prim Ministru

“Paceville kiber u qed jkompli jikber. Dan huwa suġġett emottiv però rridu nieħdu ħsieb il-fatti wkoll. Skont il-figuri li rajt jien il-kriminalità f’Paceville minkejja l-każijiet li jiġru, qiegħda tonqos.

Adrian Delia Kap tal-Oppożizzjoni

“Irrispettivament minn xi nstab minn dan il-każ tal-mewt ta’ Zack Meli, il-kriminalità u s-sigurtà f’pajjiżna huma ta’ inkwiet kbir. Dik iż-żona partikolari, hi ż-żona fejn iż-żgħażagħ tagħna mhux qegħdin f’post sigur. Kelli okkażjoni nitkellem fl-aħħar sitt xhur dwar il-kriminalità li qed dejjem tgħolli rasha. Dwar il-biża’ li l-anzjani tagħna ġewwa darhom u l-ġenituri tagħna li jħallu tfal tagħna joħroġu mid-djar tagħna. Ma nistgħux nieqfu ġurnata waħda biss, il-Gvern irid jikkometti r-riżorsi kollha tiegħu biex il-kriminalità f’pajjiżna tiġi kkontrollata.”

Michael Farrugia- Ministru tal-Intern u s-Sigurtà

“Kuntrarju għall-dak li qed jgħid il-Kap Nazzjonalista u l-midja tal-PN, huwa għalxejn li nippruvaw inbeżżgħu u nwerwru l-poplu Malti meta n-numri u l-istatistika juru li l-argument tal-oppożizzjoni rigward il-kriminalità mhux veru.”

Beppe Fenech Adami - Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà

“Nitlob lill-Gvern jiftaħ għajnjeh li ġewwa Paceville reġa’ għandna sitwazzjoni ħażina ħafna bħal sentejn ilu meta ġejna aħna tal-oppożizzjoni u għamilna 20 proposta ta’ kif Paceville nistgħu nagħmluh aħjar.”

More in Politika