Fenech; 'Qatt ma tkellimt maċ-Ċermen tal-Pilatus dwar liċenzja f'Malta'
Muscat ifakkar li l-applikazzjoni għall-Bank Pilatus saret taħt Gvern tal-PN...l-eks Ministru tal-Finanzi jiċħad li qatt kellu laqgħa illi matulha iddiskuta liċenzja għall-Bank Pilatus
21 ta' Marzu 2018 13:53 minn Albert Gauci Cunningham
L-eks Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech ċaħad b'mod kategoriku illi hu b'xi mod iltaqa' ma' Hasheminejad, iċ-Ċermen tal-Bank Pilatus li kien arrestat iktar kmieni din il-ġimgħa, biex jiddiskuti materji relatati ma' applikazzjoni biex jiftaħ il-Bank Pilatus f'Malta.
Rekords tal-MFSA; Il-kumpanija bdiet l-operat f'Diċembru 2013
Ir-rekords tal-MFSA juru illi fil-fatt il-Bank rreġistra u beda jopera f'Diċembru 2013 u allura taħt leġiżlatura ta' Gvern Laburista. Il-liċenzja tal-istess bank ħarġet fl-2015, għal darb'ħora taħt Gvern Laburista.
Dakinhar il-gazzetta kienet irrappurtat illi Fenech kien laqa' dan l-investiment wara li Hasheminejad kien wera' l-intenzjoni tiegħu li jiftaħ bank fl-Awstrija. F’Lulju 2012 Pilatus Bank għamel applikazzjoni li jinfetaħ il-bank f’Malta, wara li Fenech, kien qalu sorsi lil dan is-sit, ħajru biex il-bank jiftaħ Malta bħala parti mill-pjan tal-Gvern Nazzjonalista li jsaħħaħ il-qasam tas-settur finanzjarju permezz tal-private banking. Ħafna mill-kuntatt preliminari sar ma’ ditti magħrufin, fosthom KPMG u Camilleri Preziosi associates.
Ikkuntattjat minn dan is-sit Fenech m'eskludiex li qatt iltaqa' ma' Hasheminejad imma biss bħal ma' ltaqa' ma lista twila ta' nies. Huwa ċaħad illi qatt iddiskuta il-ftuħ tal-Pilatus f'Malta ma' Ali Sadr Hasheminejad. (Il-Filmat ta' Net News juri x'qal Muscat lil ġurnalist tal-istess stazzjon dwar l-arrest ta' Hasheminejad)
Albert Gauci Cunningham, 38 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta ILLUM u tas-sit illum....