Il-Partit Laburista nieda it-tielet edizzjoni ta' Kwalità Malta

'Il-prodotti Maltin diġá huma f’domanda, li jonqos huwa li nagħrfu l-potenzjal tal-għażla varjata ta’ prodotti maħduma lokalment' - Ministru Chris Cardona

Il-Partit Laburista nieda t-tielet edizzjoni ta’ Kwalità Malta li din is-sena se tkun qed issir bejn is-16 u s-17 ta’ Novembru. Għal sena oħra din il-fiera, li se ssir fil-Malta Fairs & Conventions Centre f’Ta’ Qali, se tkun opportunità unika għall-kumpaniji Maltin biex jesebixxu x-xogħol u l-prodotti tagħhom f’avveniment li joffri promozzjoni kbira lil dak kollu li hu Malti.

Fit-tnedija ta’ Kwalità Malta d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Chris Cardona, tkellem dwar kif f’dinja fejn hemm kompetizzjoni internazzjonali l-Gvern u l-Partit Laburista huma impenjati li jsostnu iktar l-imprendituri Maltin għaliex ħaqqhom kull sostenn. “Il-prodotti Maltin diġá huma f’domanda, li jonqos huwa li nagħrfu l-potenzjal tal-għażla varjata ta’ prodotti maħduma lokalment,” qal Cardona.

Ftit passi bogħod minn fejn għaddej ix-xogħol fuq il-crafts village f’Ta’ Qali Cardona tkellem dwar kif din il-fiera tirrifletti l-viżjoni tal-Gvern partikolarment fil-qasam tal-artiġjanat.

“Ir-riġenerazzjoni tal-Crafts Village f’Ta’ Qali huwa proġett li ilu snin twal fuq il-karta iżda dan il-Gvern sa mill-ewwel jiem tiegħu fehem u ħass l-esperjenza ta’ taqtigħ il-qalb li għaddew minnha l-operaturi, li kienu ilhom aktar minn għoxrin sena jistennew li jibda dan il-proġett tant li kien hemm min kellu d-dubji jekk xi darba dan il-proġett kienx se jimmaterjalizza ruħu,” qal Cardona li fisser kif dawn huma ħolqa ta’ eżempji favur dak li hu Malti.

Is-Segretarja tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Lydia Abela, tkellmet kif l-edizzjonijiet tal-2011 u l-2016 huma xhieda ta’ kif l-edizzjoni ta’ din is-sena għandha terġa’ tkun waħda ta’ suċċess. “Irrid ngħid li dawk il-jumejn f’Novembru ikunu  biss il-qofol ta’ programm estensiv imħejji mit-tim organizzativ li saħansitra jesponi l-prodott Malti u l-ħila tal-imprenditur Malti permezz ta’ programmi televiżivi, radjufonoċi u anke pubblikazzjonijiet,” qalet Lydia Abela. 

Fit-tnedija tkellmu wkoll persuni li ħadu sehem fl-edizzjonijiet li għaddew u fissru l-esperjenza pożittiva tagħhom.

 

More in Politika