Ġejjin l-Amerikani f'Malta biex jiddiskutu l-każ tal-Pilatus u l-arrest ta' min imexxieh

Delegazzjoni mill-Istati Uniti se tkun qed tiġi Malta biex tistħarreġ aktar dwar l-arrest ta' Hasheminejad

Fi stqarrija ilejla l-Pulizija aċċertaw illi dak li dwaru kien arrestat Ali Sadr Hasheminejad ma jinvolvi ebda Maltin jew attività li saret f'Malta.

Fi stqarrija, l-Korp tal-Pulizija żvela kif l-awtoritajiet Amerikani infurmaw lill-awtoritajiet Maltin illi f’dan il-każ ma kienx hemm l-involviment la ta’ Maltin, persuni li jgħixu Malta jew kumpaniji li qegħdin stabbiliti Malta. L-awtoritajiet Maltin, tgħid l-istqarrija, xorta offrew l-assistenza kollha. L-istqarrija imbagħad żvelat kif fil-ġimgħat li ġejjin, delegazzjoni mill-Istati Uniti għandha tasal Malta għal iktar diskussjonijiet dwar dan il-każ.

Il-ġurnata tal-lum kienet iddominata mill-arrest fl-Istati Uniti tas-sid u d-Direttur tal-Bank Pilatus Hasheminejad, liema bank għandu fergħa f'pajjiżna f'Ta Xbiex. 

Iktar tard l-MFSA ippublikat numru ta' miżuri illi, effetivament, qed jiffriżaw l-attività tad-Direttur tal-istess Bank

Il-Bank Pilatus kien f'nofs kontroversja minħabba li huwa l-bank fejn kienet taħdem Maria Efimova u fejn allegatament kien hemm dokumenti li juru li l-kumpanija fil-Panama Egrant Inc. hija ta' Michelle Muscat. Huwa l-Bank ukoll illi fih l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil kien allega (u mar il-Qorti b'allegazzjonijiet li dwarhom hemm inkjesta Maġisterjali)  li Brian Tonna minn Nexia BT għandu kont u li fih, allegatament, daħlu flus mill-iskema tal-IIP (skema tal-Passaporti lill-Barranin). Busuttil kien sostna li għandu provi li juru li dawn il-flus għaddew f'kont ieħor f'dan il-Bank li huwa proprjetà taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Kemm Tonna kif ukoll Schembri ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet bil-qawwi.

L-eks Kummissarju Ewropew John Dalli wkoll kien ammetta li kellu kont f'dan il-Bank, filwaqt li Daphne Caruana Galizia kienet żvelat illi iben u bint Ilham Aliyev, il-mexxej tal-Ażerbajġan, għandhom kont f'dan il-bank ukoll. 

 

More in Politika