F’ċerimonja biex tfakkar Jum il-Ħelsien, il-Prim Ministru Joseph Muscat, fisser kif l-ikbar tislima lejn it-tifkira ta’ Jum il-Ħelsien għandha tkun dik li pajjiżna jibqa’ jiġġedded.
Dan bil-għan li niksbu ħelsien importanti fejn kull ċittadin iħossu kuntent jgħix f’pajjiżu għax pajjiżu jagħtih spalla biex jikseb l-opportunità li twasslu għall-ugwaljanza.
Il-Prim Ministru tkellem kif fost il-bidliet li jridu jsiru għal dan il-għan hemm dawk fil-liġi tal-IVF fejn irid ikollna liġi ġdida ibbażata fuq l-ugwaljanza u favur il-hajja. Żvela kif il-grupp parlamentari tal-Partit Laburista approva b’mod unanimu l-proposta ta’ liġi l-ġdida tal-IVF imressqa mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa. Issa d-diskussjoni trid titla’ fuq l-aġenda tal-Parlament u l-pajjiż ladarba l-parlament jissokta wara l-btajjel tal-għid. Emfasizza kif din trid tkun liġi li tgħaqqad u mhux li tifred.
Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista fakkar kif fl-ewwel ħames snin ta’ dan il-gvern kienu indirizzati l-ħolqien tal-ġid u t-tqassim tiegħu. Dan filwaqt li saru numru ta’ bidliet importanti bħaż-żwieġ indaqs, it-tneħħija taċ-ċensura u s-supremazija tal-qrati ċivili fuq dawk ekkleżjastiċi.
Il-Prim Ministru tenna li għalkemm wieħed jaħseb li b’dawn il-bidliet u oħrajn stajna wasalna biżżejjed, għadna ma wasalniex. “Il-messaġġ tiegħi hawn illum hu li nġeddu l-impenn lejn il-ħelsien billi nġeddu lil pajjiżna,” qal il-Prim Ministru li żied kif fiż-żmien li ġej rridu nuru li se nġeddu l-għajta tagħna favur il-ħelsien. Il-Prim Ministru tenna kif se jkun hemm min jerġa’ jivvinta l-qlajjiet u min ibeżża’ mill-bidla iżda bħalma ma beżgħetx il-ġenerazzjoni li kisbet il-ħelsien 39 sena ilu l-istess m’għandiex tibża’ l-ġenerazzjoni tal-lum.
Fuq l-istess prinċipju ta’ ugwaljanza għandhom ikunu bbażati wkoll dawk il-bidliet li jridu jwasslu għal iktar rappreżentanza ta’ nisa fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Tkellem dwar kif bidla oħra li għandna quddiemna hi dik fil-kostituzzjoni tal-pajjiż fejn il-bidla trid tkun dik li nħejju kostituzzjoni għall-ġenerazzjoni li jmiss b’istituzzjonijiet li jseddqu l-għaqda fil-pajjiż. Għax il-kostituzzjoni mġedda, sostna l-Prim Ministru, trid tkun mibnija fuq l-għaqda għax pajjiż magħqud jasal biex mill-aqwa fl-ewropa jsir l-għira tad-dinja. “Pajjiż l-għira tad-dinja li jħaddan il-bidla u li jkun imħejji għall-ġenerazzjoni li jmiss,” qal il-Prim Ministru.
Fil-bidu taċ-ċerimonja tkellem ukoll id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Chris Cardona.