Il-bdiewa ta’ Bulebel għadhom ‘żgumbrati’
L-avviż ta’ żgumbrament kontra l-bdiewa taż-Żejtun għadu fis-seħħ u mill-MIP jgħidulna li m’hemmx direzzjoni biex dan ikun irtirat
minn Albert Gauci Cunningham
Dan is-sit jista’ tiżvela illi l-avviż ta’ żgumbrament lil madwar 10 bdiewa fiż-żona ta’ Bulebel għadu ma kienx irtirat u lanqas ingħatat direzzjoni Ministerjali lill-Malta Industrial Parks (MIP) biex fil-fatt isir dan.
Dan ikkonfermawh mal-ILLUM kemm Ruben Abela li jmexxi Wirt iż-Żejtun u li mexxa kampanja biex tkun salvata mill-iżvilupp 120,000 metru kwadru ta’ art, kif ukoll sorsi mill-MIP stess.
Dan ifisser illi minkejja li l-Gvern qal li ser isib alternattivi biex din l-art ta’ valur agrikolu għoli ma tinbeniex u minkejja li issa għaddew tliet ġimgħat mid-deċiżjoni tal-Gvern, il-bdiewa xorta għadhom imdendlin u ma jafux jekk hux se jibqgħu jaħdmu l-art jew le.
“Le, l-avviż ta’ żgombru ma kienx irtirat u s’issa ħadd fl-MIP ma ngħata direzzjoni biex l-avviż ikun irtirat,” sostnew mal-ILLUM sorsi mill-MIP.
Din il-gazzetta għamlet kuntatt ukoll ma’ Ruben Abela li kkonferma dan ukoll. “S’issa ma ġewx irtirati, le... qed nagħtu ftit ċans qabel nerġgħu nsegwu azzjonijiet mitluba.”
Is-sors li kellimna mill-MIP sostna illi “bħalissa u sakemm issir deċiżjoni illi permezz tagħha jiċċaqalqu l-konfini biex din l-art ma tkunx tista’ tinbena, l-avviż ta’ żgumbrament fil-fatt jibqa’ attiv. Issa hija kwistjoni ta’ infurzar.”
Meta mistoqsi minn din il-gazzetta jekk fil-fatt hux se jsir infurzar biex dawn il-bdiewa jitneħħew minn fuq din l-art, li ilhom jaħdmu għal ġenerazzjonijiet, is-sors qal biss li jidher li l-MIP għalissa se tibqa’ żżomm ċerta kawtela dwar il-każ.
Fil-Parlament il-Ministru Chris Cardona, għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat tal-PD Godfrey Farrugia ma weġibx b’mod dirett (‘iva’ jew ‘le’) dwar jekk dan l-avviż kienx irtirat.
Minflok Cardona fakkar illi ladarba xi ħadd ma jkollux titlu fuq l-art, dan qed jokkupa art tal-Gvern illegalment, f’indikazzjoni illi fil-fatt dawn il-bdiewa jaf ma jibqgħux jaħdmu l-art.
“Ordnijiet ta’ żgumbrament mhux xi kwistjoni ta’ żvilupp ta’ art industrijali. Meta jsiru mill-Gvern, isiru minħabba illegalità li jkun hemm fuq it-titlu tal-pussess tas-sit...meta l-Gvern ikollu proprjetà li tkun għand xi ħadd li m’għandux titolu legali.”
F’intervista mal-gazzetta ILLUM il-Perit Ruben Abela kien iċċara dan il-punt. Filwaqt li ammetta illi l-bdiewa m’għandhomx titlu kien spjega illi dan l-istat ta’ fatt huwa sforz deċiżjoni tal-Gvern. “Peress li l-Gvern ma kienx qed jiġbor il-qbiela, legalment il-bdiewa m’għandhomx titlu għall-art... l-bdiewa iddejqu għax huma ġew imsejħin ‘squatters’, qisu xi ħadd li sab proprjetà vojta, qabad daħal fiha, u għamilha tiegħu. Fir-realtà dan mhuwiex minnu għaliex il-bdiewa ta’ din iż-żona ilhom snin jaħdmu l-art u din baqgħet tinħadem minn ġenerazzjoni għall-oħra. Kien biss il-Gvern li żamm milli titħallas il-qbiela.”
Fil-Parlament Cardona kompla jgħid, għalkemm iċċara wkoll li dan huwa kompitu ta’ Ministru ieħor, illi x-xewqa tiegħu hi li “ladarba l-Gvern iddeċieda li ż-żona, inkluż Wied iż-Żrinġ, għandhom valur ambjentali u storiku, jiena fl-opinjoni tiegħi, naħseb li l-art għandha tkun landscaped, bħal parks li hemm f’postijiet oħrajn fil-każ tal-afforestazzjoni.”
Il-Ministru Josè Herrera, f’intervista ma’ din il-gazzetta nhar il-11 ta’ Marzu li għadda kien saħansitra wiegħed li 75% minn din l-art se tkun protetta u se ssir ODZ.
L-art u l-bdiewa f’Bulebel telgħu fuq l-aġenda politika tal-pajjiż hekk kif rapporti u filmati tas-sit illum.com.mt wasslu għal ħafna kritika u anke pressjoni biex din tiġi salvata u biex il-bdiewa ma jitkeċċewx minn art li ilhom jaħdmu, jikkuraw u jiżirgħu għal ġenerazzjonijiet sħaħ.
Ftit wara l-Kunsill taż-Żejtun ħareġ kontra l-estensjoni industrijali kif għamel ukoll il-Partit Demokratiku u l-Partit Nazzjonalista.