Ftit tal-mumenti ilu l-Ministru tal-Intern Michael Farrugia żvela kif wara ġimgħat ta’ investigazzjoni uffiċjal tal-immigrazzjoni kienet sospiża minn xogħolha u ttellgħet il-Qorti. Il-Pulizija ta’ Malta kellha suspett illi passaporti ta’ persuni li kienu f’pajjiżna għal aktar minn tliet xhur, skont il-liġi kellhom il-passaport tagħhom ittimbrat b’tali mod li juri li l-istess persuni ħarġu minn pajjiżna. Dan meta fil-verità dawn ma kinux ħarġu.
L-akkużata nstabet li kienet il-persuna li qed tittimbra dawn il-passaporti, u li persuna barranija mill-Maċedonja li kellha kuntatt miegħu kien qiegħed jgħaddilha l-passaporti ta’ diversi persuni barranin. L-akkużata tressqet il-Qorti u ġiet sospiża mill-impjieg, filwaqt li l-persuna barranija li kellha kuntatt magħha ttellgħet il-Qorti wkoll.
Dan wara li ftit tal-ġimgħat ilu surġent inqabad allegatament jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Fil-kumment tiegħu l-Ministru Farrugia sostna li "e nkompli bil-ħidma kontra persuni li b’xi mod jew ieħor qed jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom għal gwadann personali."