Jingħaqdu 57 rekluta ġodda mal-Forzi Armati ta' Malta

....Minn dawn sitta biss kienu nisa

Ir-rekluti l-ġodda mal-AFM
Ir-rekluti l-ġodda mal-AFM

57 rekluta, sitta minnhom nisa, ħadu l-ġurament tal-ħatra bħala suldati regolari fil-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) ġewwa l-Barracks ta’ Ħal Luqa. Ir-rekluta Xriha ingħata s-shield tal-best recruit. Il-Passing Out Parade hi meqjusa bħala l-aktar ġurnata fejn suldat iħossu kburi li ngħaqad mal-familja militari. Ir-rekluti temmew ħames xhur ta’ taħriġ intensiv f’diversi oqsma li jinkludu taħrig fiżiku, taħriġ fl-użu tal-armi, fid-drill, u f’suġġetti militari oħrajn.

Il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Jeffrey Curmi, u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia ppresedew iċ-ċerimonja. Fid-diskors tiegħu, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta laqa’ b’sodisfazzjon is-57 rekluta li se jsaħħu r-riżorsa umana tal-FAM u qal li permezz ta’ dan, l-armata se toqrob lejn in-numru sħiħ li hija jeħtieġ li jkollha. Il-Brigadier Curmi sostna li l-FAM ma joħolqux biss impjieg, iżda joffru karriera b’taħriġ speċjalizzat fis-snajja’ differenti li jħaddnu l-FAM. Il-Brigadier Curmi temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-familjari kollha tar-rekluti u lis-suldati kollha li ħarrġu lil dawn is-suldati ġodda għad-dedikazzjoni u l-impenn kontinwu tagħhom.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-ingaġġ ta’ dawn is-suldati jimmarka s-servizz tagħhom lejn il-poplu, ir-Repubblika ta’ Malta, u l-Kostituzzjoni tagħha. “Naħseb waħda mill-affarijiet l-aktar importanti hi li naraw kif nistgħu nsaħħu l-armata, nżidu r-rizorsi umani, u nkabbru l-opportunitajiet biex is-suldati tagħna jkunu jistgħu javvanzaw ‘il quddiem.”

Il-Ministru Farrugia rringrazzja lill-membri tal-armata u l-uffiċjali fi ħdanha u saħaq ukoll li l-Forzi Armati ta’ Malta ħadmu flimkien mas-Servizz Sigriet ta’ pajjiżna u l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta kontra ċ-ċirku ta’ kriminalità organizzata. Tkellem ukoll fuq it-tisħiħ tas-cyber security u kompla jgħid li l-ministeru qed jaħdem biex tkompli tissaħħaħ id-difiża ta’ pajjiżna. Huwa temm billi awgura futur sabiħ fil-karriera tar-rekluti li ħadu l-ġurament tal-ħatra.

 

More in Politika