20 tunnellata skart żbarazzati minn tmien widien madwar il-pajjiż

Fil-ġimgħat li ġejjin se jitkompla l-programm ta’ xogħlijiet f’Wied Ħas-Saptan u f’Wied Żembaq fil-limiti tal-Gudja u f’Birżebbuġa, Wied Sant’Antnin f’Marsaskala u Wied Ħesri fis-Siġġiewi, fost l-oħrajn

Il-Ministru Josè Herrera jindirizza konferenza li fiha żveka kemm inġabar skart mormi fi tmien widien
Il-Ministru Josè Herrera jindirizza konferenza li fiha żveka kemm inġabar skart mormi fi tmien widien

Il-Ministru José Herrera ħabbar li wara li s-sajf li għadda twaqqaf kumitat biex jibda x-xogħol meħtieġ għat-tindif u għar-riabilitazzjoni ta’ numru ta’ widien, minn eżerċizzju li sar mal-kunsilli lokali ġew identifikati 37 wied li jsofru l-aktar minn rimi ta’ skart illegali. Il-Ministru Herrera ħabbar ukoll li x-xahar li għadda l-Ministeru investa f’makkinarju u f’vetturi biex itejbu u jiffaċilitaw l-operat tal-immaniġġjar tal-widien.

Il-Ministru spjega li mit-twaqqif tiegħu, il-kumitat implimenta xogħlijiet fi tmien widien li l-medda tagħhom tkopri 5 kilometri. Dawn huma Wied Inċita f’Ħ’Attard, ditch tal-Marsa, Triq il-Wied, Wied iċ-Ċawsli, Wied il-Kbir u Wied is-Sewda f’Ħal Qormi, Wied Baqqiegħa u parti minn Wied Qirda f’Ħaż-Żebbuġ. Minn dawn il-widien tneħħa total ta’ 842 metru kubu ta’ materjal kif ukoll madwar għoxrin tunellata skart.

Il-Ministru qal li f’Wied il-Kbir ix-xogħlijiet kienu jinvolvu t-tneħħija ta’ materjal mormi illegalment u l-eliminazzjoni ta’ speċi invażivi u mhux nattivi li kienu jinkludu r-riġnu u l-akaċja. Dawn is-siġar aljeni se jiġu sostitwiti minn siġar u arbuxelli indiġeni inklużi l-għanżalor, is-siġar tal-virgi u l-fraxxnu.

Il-Ministru Herrera żied li fil-ġimgħat li ġejjin se jkomplu bil-programm ta’ xogħlijiet f’Wied Ħas-Saptan u f’Wied Żembaq fil-limiti tal-Gudja u f’Birżebbuġa, Wied Sant’Antnin f’Marsaskala u Wied Ħesri fis-Siġġiewi, fost l-oħrajn.

More in Politika