F'April 2015, eżatt tliet snin ilu, l-Prim Minitsru Joseph Muscat, flimkien mal-iżviluppatur Libjan Husni Bey kienu poġġew l-ewwel ġebla li kellha timmarka l-bidu tal-proġett Metropolis fil-Gżira. Iżda tliet snin wara dik li kienet ħofra kbira fil-Gżira baqgħet eżatt hekk.
Ir-rappreżentant tal-proġett Aidan Barker jiċħad illi b'xi mod dan ifisser li l-kumpanija m'għandhiex flus biex twettaq il-proġett u li fil-fatt bħalissa l-iżviluppaturi qed jistudjaw il-possibilità li jkompli t-tħaffir. "Qed naraw u nistudjaw il-prospett ta' skavar ta' żewġ sulari oħra li jfisser ħafna iktar spejjeż," spjega Barker illi jgħid ukoll illi l-kumpanija ingħatat struzzjoni biex iżżid l-ispazju għall-parkepġġ.
F'kummenti mal-gazzetta Maltatoday, Barker qal illi fl-2016 kienu infurmati li l-art ħdejn il-proġett ma kinitx tal-Gvern u allura dan ma setax jiggarantixxi li ma jkunx hemm kontestazzjoni għall-iskavar. Għalhekk l-art kienet rekwiżizzjonata mill-Gvern biex wara s-sidien tal-proġett, permezz ta' tender, seta' jkollhom aċċess.
Barker spjega kif issa l-kumpanija qed tħallas lill-Gvern għall-aċċess sabiex tkun tista' tibda dan l-iskavar u b'hekk toħloq aktar spazji għall-parkeġġ.
Kienet il-gazzetta ILLUM li fl-2016 żvelat li kollox kien qed jindika li d-disinn rebbieħ, mis-sebgħa ppreżentati, se jkun dak tal-Arkitett Olandiż Erik Von Egeraat, li mistenni jirriloka l-ħidma tiegħu f’Malta u li diġà qed joffri xi forma ta’ konsulenza fuq il-proġett tat-torrijiet tal-Imrieħel, kif ukoll dak ta’ Villa Rosa fil-Bajja ta’ San Ġorġ.
Fil-fatt bħalissa dan il-proġett jinsab fuq is-sit tal-istess Von Egeraat, msemmi bħala Skygardens.
Von Egeraat huwa magħruf għal bosta disinni li rebaħ, fosthom l-Università ta’ Sberbank f’Moska, l-Università ta’ Erasmus fl-Olanda u d-disinn tal-bank Ċentrali Libjan.