150 sena minn meta ċ-Ċitadella saret belt ċivili
Nhar is-Sibt, 7 ta’ April ser tkun ġurnata mimlija attivitajiet kemm edukattivi u kulturali
More in Politika
Nhar is-Sibt, 7 ta’ April ser tkun ġurnata mimlija attivitajiet kemm edukattivi u kulturali
Il-Ministeru għal Għawdex qed ifakkar l-anniversarju meta f’April tal-1868 iċ-Ċittadella, bħala fortizza fil-qalba tal-belt Għawdxija, biddlet il-funzjoni oriġinali tagħha minn waħda militari għal dik ċivili.
Biex jitfakkar dan l-avveniment li seħħ 150 sena ilu, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet kif nhar is-Sibt, 7 ta’ April ser tkun ġurnata mimlija attivitajiet kemm edukattivi u kulturali. Il-qofol ta’ dawn l-attivitajiet ser ikun seminar li ser isir ġewwa ċ-Ċittadella Arts Centre fejn numru ta’ esperti ser iwasslu sessjonijiet ta’ tagħrif fuq il-fortifikazjoni taċ-Ċittadella, l-iskoperti li saru waqt li dan il-patrimonju nazzjonali kien qed jiġi rrestawrat u l-istorja li sawret din il-binja imponenti fil-gżira Għawdxija matul il-medda tas-snin.
Matul il-ġurnata, s-siti storiċi ewlenin li huma amministrati minn Heritage Malta ser ikunu miftuħa għall-pubbliku b’xejn. Ewlenin fosthom insibu l-Mużew tal-Arkeoloġija u dak tal-Istorja Naturali kif ukoll il-Ħabs il-Qadim. Ser jittellaw ukoll numru ta’ re-enactments biex il-pubbliku jerġa’ jesperjenza l-ħajja li kienet tiddomina fil-Gran Castello u t-toroq tal-madwar.
Ġewwa ċ-Ċittadella Visitors Centre ser titella’ wirja ta’ pjanti, li ser jiġu esebiti għall-ewwel darba, dwar dan is-sit b’enfasi lejn il-perspettivi militari li ċ-Ċittadella kinet tħaddan minn kull min ħakem fuq gżiritna. Is-Sibt wara nofsinhar, edukaturi min National Literacy Agency ser jorganizzaw attività immirata lejn studenti bejn 6 u 12-il sena bl-isem ta’ Xalata ta’ Kitba.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana faħħret din l-inizjattiva fejn qalet li din il-ġurnata ta’ attivitajiet hi intiża biex iċ-Ċittadella verament titgawda mill-poplu u tingħata lura lin-nies. Hi qalet li l-Ministeru għal Għawdex qed jaħħem bla heda biex dan il-wirt storiku, jerġa’ jqum fuq saqajh u jitgawda minn kulħadd b’rispett lejn l-ambjent u l-istorja li jsawruh.
Il-Ministru Caruana semmiet kif għaddejja ħidma biex il-bibien taċ-Ċittadella jkunu miftuħa għal kulħadd u qalet kif aktar attivitajiet ser jiġu imħabbra aktar ’il quddiem liema attivitajiet ser ikunu varji u li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd. Il-Ministru għal Għawdex qalet li dan is-sit joffri potenzjal kbir li ftit li xejn qed jiġi sfruttat u għalhekk qed issir ħidma biex dan iseħħ.