Aġġornata | L-HSBC f'Malta tgħid li r-rapporti ta' Bloomberg huma 'spekulazzjoni'

Iktar kmieni illum Bloomberg irraporta li l-HSBC se jkun qed jikkunsidra li jagħlaq l-operat f'Malta u żewġ pajjiżi oħrajn

I-Kap Eżekuttiv ta' HSBC Holdings John Flint u ċ-Ċermen tal-istess bank Mark Tucker qed jikkunsidraw li jnaqqsu l-ħidma tal-bank madwar id-dinja fi pjan li għandu jkun żvelat fix-xhur li ġejjin. Dan kien żvelat fuq is-sit Bloomberg, iktar kmieni illum.

Il-Bank jopera f'67 pajjiż u qed jippjana li jitlaq jew ibiegħ l-operazzjoni, jgħid l-istess rapport ta' Bloomberg, minn pajjiżi żgħar bħal Malta, Bermuda u l-Uruguay.  Dawk li tkellmu mas-sit xtaqu jibqgħu anonimi.

Kelliema għall-Bank iżda ma xtaqitx tikkumenta meta mistoqsija dwar dak li kien jaf is-sit u qalet illi l-investituri se jkunu infurmati. 

Filwaqt li l-pajjiżi msemmijin qed jagħmlu profitt, Flint u Tucker qed jippjanaw li jiffokaw aktar fuq l-operat li jgħaddi mis-suq Ażjatiku għall-Lvant Nofsani, L-Ewropa u l-Amerika ta' fuq u ċentrali . Ir-rapport jgħid li l-HSBC se jkollha telimina operat li jaħdem mill-periferiji. 

Il-Bank HSBC kien ipprivatizzat minn Gvern Nazzjonalista fl-1999, għall-oppożizzjoni tal-Partit Laburista. L-Oppożizzjoni Laburista dak iż-żmien kienet ikkritikat il-prezz li bih inbiegħ dan il-bank. Il-Mid Med Bank kien mibjugħ lill-HSBC għall-prezz ta' €191 miljun (LM 82 miljun). 

Il-Bank HSBC f'Malta sejjaħ ir-rapporti tal-Bloomberg bħala spekulazzjoni. 

 

More in Politika