Matul il-lejl li għadda, iktar ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wasslet għall-arrest ta’ raġel ta’ 36 sena, residenti Birkirkara, wara li twaqqaf mill-Pulizija f’Paceville. Ir-raġel instab fil-pussess ta’ pouch li kien fih iktar minn 50 qartas bi trab abjad x’aktarx kokaina, li kienu lesti sabiex jiġu ttraffikati.
Wara iktar tfittxijiet li saru fir-residenza tiegħu ġewwa Birkirkara, il-Pulizija sabet ukoll ammont iżgħar ta’ qratas li ukoll kien fihom l-istess sustanza bajda, madwar 300 gramma ħaxixa u iktar minn €30,000 fi flus kontanti.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr I Farrugia LL.D, ġie infurmat dwar din is-sejba u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Mhux eskluż li l-ġuvni jitressaq b’arrest il-Qorti għada, b’akkużi relatati ma’ pussess u traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus.