Aktar pompi tal-petrol...issa fiż-Żejtun

Il-Ministru għall-Ambjent jgħid li se jippubblika r-rapport tal-ERA dwar ir-reviżjoni tal-politika tal-pompi tal-petrol

Wirt iż-Żejtun qed joġġezzjona għal applikazzjoni biex tinbena pompa tal-petrol oħra fuq art ODZ fiż-Żejtun.

Il-pompa tal-petrol hija proposta li tinbena fuq medda ta’ 3,000 metru kwadru fuq art agrikola f’dik magħrufa bħala l-Ħofra l-Ħamra fi Triq Ħal Tarxien.

Skont il-proposta, il-pompa tal-petrol se tinkludi faċilitajiet għall-ħasil tal-karozzi u t-trakkijiet, post fejn isir il-VRT, ATM u anke ħanut.

Ruben Abela, li mexxa l-kampanja kontra l-estensjoni taż-Żona Industrijali ta’ Bulebel fuq art agrikola, saħaq li ż-Żejtun għandu biżżejjed pompi tal-petrol u ma għandux bżonn oħra.

Mal-MaltaToday, Abela saħaq li l-art hija tal-Gvern u mhux tal-privat kif qed jgħid l-applikant.

Il-politika eżistenti, li l-Ministru għall-Ambjent kien qabel li tinbidel, tippermetti l-bini ta’ pompi tal-petrol ġodda f’żoni li jinsabu biswit jew faċċata ta’ żoni oħra industrijali.

Mal-MaltaToday, il-Ministru Jose Herrera qal li l-ġimgħa d-dieħla se jkun qed jippubblika r-rapport li talab mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi dwar ir-reviżjoni tal-politika dwar il-pompi tal-petrol.

Oriġinarjament, il-politika ppubblikata fl-2014 kienet tippermetti biss li pompi rilokati minn żoni urbani jitħallew japplikaw biex jibnu fuq ODZ. Pompi ġodda setgħu jinbnew biss fuq żoni li huma żviluppati.

Ilbieraħ, il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar kien se jiddeċiedi dwar pompa tal-petrol f’Ħal Luqa, ftit passi ‘l bogħod minn oħra, meta attivisti daħlu jipprotestaw.

Il-laqgħa kompliet f’post ieħor fejn il-membri tal-bord ivvutaw ħamsa favur u ħamsa kontra, tant li d-deċiżjoni se jkollha tittieħed f’seduta oħra.

Dalgħodu, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi kkundannat l-aġir tal-attivisti, li skontha kienet illegali, waqt li saħqet li wettqu pressjoni fuq il-membri tal-bord. Fl-istess waqt fakkret li hi ma taqbilx mal-politika tal-pompi tal-petrol kif inhi bħalissa.

More in Politika