Kważi 1,800 firma lill-Parlament kontra żieda ta' 12-il gaġġa tat-tonn

  • Nicolai Abela, resident, jgħid li l-awtoritajiet m’għandhomx l-interess biex isibu rimedju
  • Ta’ Azzopardi jgħidu li l-ammont ta’ tonn se jibqa’ l-istess bi 12-il gaġġa iktar

 

It-tonn; sors ta’ ikel, profitt u xogħol
It-tonn; sors ta’ ikel, profitt u xogħol

Sal-bieraħ kienu diġà nġabru kważi 1,800 firma f’petizzjoni kontra żvilupp li jinsab quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex jiżdiedu 12-il gaġġa tat-tonn oħra fin-naħa ta’ fuq tal-gżira, mit-12 li hemm bħalissa għal 24.

Il-petizzjoni hija waħda Parlamentari, jiġifieri diretta lill-Parlament u ssir fuq is-sit tal-Parlament Malti wkoll. Qed imexxiha, Nicolai Abela li huwa resident ta’ San Pawl il-Baħar qed joġġezzjona għal dan l-iżvilupp minħabba li jgħid illi dan se jkun ta’ detriment “għar-residenti u l-għawwiema billi se jikkawża ħsara lill-ambjent marittimu minħabba żjut, fdalijiet tal-ħut u skart u ħmieġ ieħor ġej mit-tonn f’dawn il-gaġeġ. Noġġezzjona bil-qawwa kontra din l-estensjoni.”

Il-Kumpanija li qed tressaq dan l-iżvilupp, AJD Tuna, tinsisti li dak li qed jgħid Abela mhux il-każ u li fil-fatt minkejja ż-żieda fil-gaġeġ, mhux se żżid l-ammont ta’ tonn.

Fil-petizzjoni Nicolai Abela jfakkar kif matul is-sajf tal-2016, il-kosta tal-Grigal ta’ Malta partikolarment il-kosta ta’ Buġibba, San Pawl il-Baħar, il-Qawra u x-Xemxija esperjenzaw ammont kbir ta’ ħmieġ permezz ta’ żjut u ħama li ġej mill-gaġeġ tat-tonn. Dan il-ħmieġ wassal biex il-baħar ma kienx tajjeb għall-għawm u anke rwejjaħ partikolari xejn pjaċevoli f’żona frekwentata minn eluf ta’ Maltin u turisti f’dan iż-żmien.

Id-deċiżjoni biex ikunu rilokati l-gaġeġ ta’ Azzopardi Fisheries ittieħdet minħabba l-furur kbir li qajjem il-fatt li l-kosta spiċċat mimlija ħmieġ. F’risposta għal domanda Parlamentari lura fi Frar li għadda l-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera kkonferma li kienu nstabu 10 gaġeġ li l-istess kumpanija kienet qed topera b’mod illegali.

Id-Deputat tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia kien qal illi ritratti mill-ajru juru illi azzjoni kontra gaġeġ illegali għadhom ma ttiħdux. Fil-fatt Abela, fil-petizzjoni li qed jibgħat lill-Parlament qed jgħid ukoll illi filwaqt li rapport finali dwar l-impatt għandu jkun lest ix-xahar id-dieħel, xorta ħarġet din l-applikazzjoni.

Is-sid ta’ AJD Tuna, mal-avukat tiegħu
Is-sid ta’ AJD Tuna, mal-avukat tiegħu

“F’Jannar u Frar ta’ din is-sena in-numru ta’ gaġeġ żdiedu għal 22 illegalment,” jgħid Abela. “Saru protesti lill-Awtorità tal-Ippjanar u l-ERA imma s-sitwazzjoni baqgħet l-istess... minkejja li l-gaġeġ tressqu aktar ’il barra xorta jeżisti r-riskju li nesperjenzaw l-istess ħmieġ u epidemija tal-2016 minħabba ż-żieda fil-gaġeġ. L-awtoritajiet jidhru li la għandhom poter u lanqas interess biex isibu rimedju għal din is-sitwazjoni.”

Il-kumpanija ta’ Azzopardi Fisheries qed tgħid illi qed tagħmel din l-applikazzjoni “fid-dawl ta’ kuntratti eżistenti ma’ sajjieda li kellhom ikunu onorati. L-istess ammont ta’ tonn kellu jkun mixtri bħas-snin ta’ qabel bil-konsegwenza li d-densità fil-gaġeġ kienet id-doppju ta’ snin preċedenti.”

AJD Tuna iżda qed tinsisti li minkejja ż-żieda fin-numru ta’ gaġeġ, l-ammont ta’ tonn se jibqa’ l-istess. Fil-Project Describtion miktub minn Krista Farrugia minn ADI Associates jingħad illi l-ammont tat-tonn se jibqa’ l-istess, b’toqol ta’ 3,300 tunnellata. “Il-volum mhux se jinbidel bħala riżultat tal-estensjoni,” jinsisti r-rapport. Ikompli jgħid illi dak li se jinbidel se tkun id-densità.

Il-gaġeġ, li se jkunu 50 metru fid-diametru u 42 metru fondi se jkunu jifilħu 138 tunnellata tonn, kuntrarjament għal 275 tunnellata ta’ toqol li hemm bħalissa.

Fl-istess deskrizzjoni l-kumpanija tispjega kif il-problema fl-2016 kienet li l-kumpanija kienet xtrat il-ħut li jintuża għall-ikel tat-tonn minn fornitur differenti mill-Marokk, li imbagħad irriżulta li kien qed joffri prodott ta’ kwalità inferjuri. Ta’ Azzopardi kien imbagħad biddel il-fornitur u minflok il-ħut qed ikun importat mill-Olanda.

AJD Tuna tħaddem bejn 40 u 45 persuna full-time u 40 persuna part-time.

Dik ta’ Abela hija waħda mill-uniċi tliet petizzjonijiet mal-Parlament Malti. Hija wkoll l-akbar waħda minnhom, f’termini ta’ firem.

Intant ma’ din il-gazzetta l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia spjega kif issa l-petizzjoni se tkun qed tmur quddiem il-Kumitat tal-petizzjonijiet li huwa mmexxi mid-Deputat Laburista Chris Agius fejn tkun diskussa u jekk ikun hemm ħtieġa li tittieħed azzjoni, tittieħed.

Ma’ din il-gazzetta Farrugia spjega kif il-Petizzjoni lill-Parlament hija sinjal ċar ta’ kemm id-demokrazija parlamenetari qed taħdem iktar viċin taċ-ċittadin, hekk kif issa il-poplu għandu mod ieħor ta’ kif jindirizza sitwazzjonijiet, bidliet, żvilupp jew kwistjonijiet li jħoss li jeħtieġ isemma’ leħnu dwarhom fil-Parlament.

More in Politika