PN: 'Residenti barranin jeħtieġ jadattaw ruħhom għat-tradizzjonijiet u valuri Maltin'
Il-PN bl-ewwel 80 proposta minn mindu sar Kap Adrian Delia. X’inhuma wħud minnhom? Liema jagħmlu ħafna sens? Liema huma biss bżieżaq populisti? U x’jgħidu l-ewwel proposti ta’ Delia dwar il-PN illum?
minn Albert Gauci Cunningham
Il-ġimgħa li għaddet, il-Partit Nazzjonalista ressaq numru ta’ proposti għall-Kunsilli Lokali ta’ pajjiżna, fost l-aktar li sar aċċenn dwarhom kien hemm proposti biex il-Kunsilli Lokali jkunu aktar parteċipi fil-qasam soċjali u fl-għajnuna għal dawk li huma vulnerabbli, l-importanza li kulħadd ikun integrat fis-soċjetà u li l-barranin ikollhom sehem ukoll f’dak kollu li huwa marbut mal-valuri u tradizzjonijiet ta’ pajjiżna, kif ukoll is-siġurtà.
L-ILLUM tagħti ħarsa ħafifa lejn ftit mill-proposti tal-PN u tanalizzahom ukoll.
Għases miftuħin u pulizija ‘tal-lokal’
- Fost il-proposti interessanti tal-PN hemm dik li kull lokalità jkollha għassa li tkun miftuħa l-ħin kollu. Fil-fatt hemm għasses diversi, speċjalment dawk ta’ lokalitajiet iżgħar li bħalissa ma jiftħux 24 siegħa kuljum. Qed jipproponi wkoll li dawn ikunu mgħammrin u attrezzati “għaż-żminijet tal-lum.” Il-PN ma jsemmi xejn dwar Paceville u lanqas dwar talbiet għal għassa ikbar fil-Qawra.
- Il-PN iżda qed jipproponi illi f’lokalitajiet bħal Tas-Sliema, il-Qawra, Buġibba, San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, San Ġiljan, Paceville u Birżebbuġa, meqjusin bħala żoni turistiċi jkun hemm ‘Tourism Police’.
- Il-PN qed jipproponi li parti mill-Korp tal-Pulizija jkun stazzjonat f’lokalità waħda, li ma jkunx jista’ jiċċaqlaq minnha (għajr għal raġuni verament ġusta) u li jkunu parti minn sezzjoni magħrufa bħala Community Policing. Il-Kunsill Lokali, tgħid il-proposta, ikollu d-dritt jitlob lil dawn il-Pulizja biex jinvestigaw ilmenti diversi rigward traffiku, trasport, ordni pubblika u infurzar.
- Il-PN qed jipproponi din is-sezzjoni bil-għan li l-Pulizija jkunu aktar familjari kemm mal-lokalità kif ukoll mar-residenti. Bħalissa pulizija jista’ jitpoġġa u jitneħħa minn għassa b’deċiżjoni tal-Kummissarju u ‘skont l-esiġenzi tas-servizz.’
Kumitat soċjali b’ħidma ma’ anzjani, ħabsin, persuni bi bżonnijiet speċjali...
- Il-PN qed jipproponi li kull Kunsill Lokali jkollu kunsillier responsabbli mill-qasam soċjali, li jkun imexxi l-Kumitat Soċjali f’kull Kunsill.
- Dan il-Kunsill għandu jaħdem l-aktar ma’ dawk li huma vulnerabbli. Ir-rapport isemmi, fost oħrajn, persuni bi problemi ta’ housing, anzjani u l-carers tagħhom, familji fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar, eks ħabsin, vittmi ta’ vjolenza domestika u oħrajn.
- Kull Kunsill għandu jagħmel riċerka soċjali, kull ftit żmien bl-għajnuna tal-Gvern biex ikunu stabbiliti r-realtajiet soċjali f’dik il-lokalità.
Kampanja ta’ edukazzjoni dwar is-saħħa u l-istil ta’ ħajja
- Il-PN qed jisħaq illi appart kollox il-Kunsilli Lokali m’għandhomx jibqgħu biss xi ħaġa relatata mal-infrastruttura u l-bankini, imma jmorru oltrè minn hekk. Fil-fatt il-Partit qed jipproponi li l-Kunsill iservi tal-post minn fejn ir-residenti jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni u biex ikun hu li jorganizza attivitajiet li jindirizzaw il-ħajja sana. Il-proposta ssemmi problemi ta’ saħħa bħal dementia, dijabetè, obeżità u s-saħħa mentali.
- Il-PN qed jipproponi li kull Kunsill jiġi mgħejjun mill-Gvern biex ikunu żviluppati gyms fil-miftuħ. Fil-fatt hemm numru ta’ lokalitajiet fejn dawn diġà saru fosthom Marsaskala u San Pawl il-Baħar.
Barranin, sindki u aktar...
- F’punt partikolari r-rapport jgħid illi kulħadd għandu jħossu integrat inkluż dawk ir-residenti barranin. Iżda hawnhekk ir-rapport ikompli jgħid hekk: ‘Din l-integrazzjoni trid tasal b’tali mod li dawn ir-residenti jsiru midħla tat-tradizzjonijiet lokali u nazzjonali u jieħdu parti attiva f’ħafna minn dawn it-tradizzjonijiet... dawn l-istess residenti jridu jifhmu li issa qed jiffurmaw parti minn komunità ġdida li għandha tradizzjonijiet magħġunin b’valuri u li jridu jadattaw ruħhom għalihom.”
- Dwar is-sindki l-PN qed jgħid illi għandha tkun evalwata l-possibilità li dawn ikunu full time, għalkemm mhux qed jieħu pożizzjoni ċara dwar dan.
- Il-proposti jinkludu wkoll il-bżonn li l-Kunsilli jingħataw għajnuna biex jinħolqu spazji u santwarji żgħar għall-annimali li jgħixu fit-toroq.
...x’qed jgħidu dwar il-PN?
Dan ir-rapport b’numru ta’ proposti huwa tragward għall-PN fis-sens li huwa l-ewwel dokument li qed jippubblika minn meta tilef l-aħħar elezzjoni u minn meta Adrian Delia kien elett Kap tal-PN.
Għalkemm għadu kmieni, hekk kif dan l-artiklu qed jinkiteb ftit wara li kienu ppubblikati dawn il-proposti, wieħed jista’ malajr jintebaħ 1)- x’inhi l-linja ta’ ħsieb wara l-fatt illi ġew ippubblikati tali proposti u 2) il-proposti nfushom x’jistgħu qed juru dwar dak li se jkun qiegħed, politikament, jibbattalja fuqu għaż-żmien li ġej il-PN.
- Huwa ċar li l-kwistjoni tas-sigurtà se tkun qed tilgħab parti importanti ħafna fil-ħidma tal-PN. Dan ir-rapport ma jistax ikun ikkunsidrat f’iżolament imma fid-dawl ta’ bosta żjarat ta’ Adrian Delia f’diversi għases (fosthom tal-Imsida u tal-Marsa) kif ukoll fid-dawl ta’ diversi diskorsi tal-istess Delia. Naturalment teżisti perċezzjoni, li hija b’saħħitha ħafna, illi f’xi żoni ta’ xi lokalitajiet teżisti nuqqas ta’ sigurtà, ġeneralment minħabba konċentrazzjoni ta’ barranin. Il-PN jeħtieġ joqgħod attent li meta jkun qed ipoġġi s-sigurtà fuq nett tal-aġenda tiegħu u tal-Kunsilli Lokali ma jkunx, fl-istess nifs, qed jilleġitimizza sentimenti razzisti mhux neċessarjament mibnijin fuq il-fatt. In-nuqqas ta’ sigurtà trid tkun mibnija aktar fuq il-fatti u l-figuri li juru illi hemm żieda fi kriminalità partikolari, f’żona partikolari.
Minn hemmhekk tagħmel ħafna sens il-proposta tal-PN għal Pulizija fil-Komunità, wara li jkun iċċarat bil-fatti fejn huma dawk il-‘pockets’ ta’ żoni illi fihom hemm ħafna kriminalità u x’tip ta’ kriminalità qed nitkellmu dwarha.
- Minkejja li tissemma l-integrazzjoni, ftit hemm ħeġġa biex din tkun indirizzata. Il-verità hija li aktar milli lokalitajiet, hemm żoni f’lokalitajiet b’mod speċjali Buġibba fejn għandek problema ta’ nuqqas ta’ infurzar u komunitajiet li qed jifjorixxu li ħafna Maltin ma jridux ikunu madwarhom. F’żona partikolari, pereżempju, lejn in-naħiet taċ-ċinema l-ewwel fetaħ bar li fih imorru nies Afrikani u li ħafna drabi kellhom jiġu l-Pulizija jagħlquh minħabba storbju u/jew ġlied (bħal kull bar ieħor wara kollox), imbagħad fetaħ barbier u garaxx inbidel f’post ta’ talb, bil-klijenti u l-kongregazzjoni tkun Afrikana. Ħdejhom hemm ħanut tal-merċa wkoll immexxi minn persuni Afrikani. Dan ifisser illi hawnhekk qed tinbet komunità Afrikana. Issa kull min jaf iż-żona sew u jaf lir-residenti, jaf ukoll li ħafna mhumiex kuntenti bis-sitwazzjoni kif inhi. Il-PN x’qed joffri lil dawn in-nies? U mistoqsija akbar minn hekk hija jekk fil-fatt hemmx soluzzjoni jew għandniex inħallu s-sitwazzjoni tevolvi waħedha. Fuq din il-kwistjoni, għalkemm jista’ jkun konsonanti ma’ dak li jħossu diversi nies, il-PN jeħtieġ joqgħod ferm attent għax tanġibilment is-soluzzjonijiet, jekk hemm, jistgħu jkunu drastiċi żżejjed jekk mhux ukoll totalment illegali.
- Il-PN għamel proposta mill-aktar interessanti biex f’kull Kunsill ikun hemm Kunsillier li huwa responsabbli mill-qasam soċjali. Il-fatt li l-PN qed jipproponi dan il-kunsillier u Kumitat li jkollu kuntatt ma’ diversi nies fil-bżonn jew vulnerabbli, juri illi l-PN għandu l-ħeġġa biex ikompli fejn ħalla fl-aħħar snin f’dan il-qasam. Minkejja li ma rebaħx l-elezzjoni, l-attentat tal-PN fl-aħħar snin biex jersaq iktar lejn iċ-ċentru xellug u jmiss feriti tan-nies, kienet xi ħaġa pożittiva. Bl-aċċenn partikolari f’din il-proposta jidher li apparti r-ridimensjonar tal-Kunsilli l-PN irid jidher li qed iżomm viċin nies li mhux neċessajrament dejjem tawh l-appoġġ.
- Lura għall-Pulizija, jidher li hawnhekk il-PN qed jagħmel bidla strateġika fi-direzzjoni. Minn kritika u attakk dirett fuq il-Kummissarju tal-Pulizija, għall-attenzjoni partikolari fuq Pulizija differenti, f’lokalitajiet u għases differenti. Dak li huwa iktar day-to-day.
- Pożittivi huma wkoll diversi punti oħrajn bħal modi ġodda ta’ kif il-Kunsilli jistgħu jkollok introjtu. Min-naħa l-oħra l-PN baqa’ lura milli jgħid jekk jaħsibx li s-sindki għadhomx ikunu full time jew le. Qal biss li jrid li tibda konsultazzjoni.
- L-aktar punt importanti imma huwa li fil-fatt kienu ppubblikati dawn it-80 proposta. L-ewwel 80 tal-PN taħt Adrian Delia. Minnu nnifsu dan huwa pass pożittiv għax sa fl-aħħar qed juri li 1) – Il-PN mhux rieqed raqda, bħalma fil-fatt hija l-perċezzjoni popolari 2) Li l-PN qed ikun parteċipant iktar milli spettatur biss u 3) li l-PN beda jiddiversifika aktar il-ħidma tiegħu biex tinkudi aktar kwistjonijiet li jaffetwaw lin-nies.