X’qed jipproponi l-Gvern għall-Università?

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni ppreżenta l-ewwel abbozz ta’ liġi li se jkun qed ibbidel l-operat tal-Università ta’ Malta, imma dan x'jgħid?

Proposti ġodda li ġew ippubblikati madwar ġimgħatejn ilu mill-Ministeru tal-Edukazzjoni se jkunu qegħdin jagħmlu bidliet strumentali fit-tmexxija tal-operat tal-Università ta’ Malta. Skont il-Ministeru tal-Edukazzjoni dawn il-bidliet se jkunu qegħdin isaħħu l-proċess demokratiku f’dan l-operat.

Bħalissa l-operat tal-Università huwa mifrux fuq żewġ binarji; il-Kunsill li jieħu ħsieb l-operat tal-Università u s-Senat li jieħu ħsieb materji akkademiċi. Il-liġi li qed tiġi proposta se tkun qed tbiddel ħafna mill-operat ta’ dan kif ukoll iżid magħhom diversi korpi ta’ tmexxija

Il-Gvern: Iktar jew inqas indħil?

L-abozz propost se jkun qed ibiddel il-kompożizzjoni ta’, kemm il-Kunsill tal-Università kif ukoll is-Senat. Il-membri eletti mill-istaff akkademiku, staff amministrattiv u tekniku  u mill-istudenti se jiżdiedu minn tlieta għal erbgħa kull wieħed. Apparti minn hekk se jkun hemm membru appuntat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija. Il-membri maħtura mill-Gvern se jitnaqqsu minn 14-il membru għal sebgħa membri.

Intant se jkun qed jiżdied in-numru ta’ studenti Universitarji li jkunu membri tas-Senat, dan in-numru se jiżdied minn ħamsa għal 10. Apparti minn dan il-Kunsill se jkun obbligat ukoll li jorganizza forum pubbliku darba fis-sena, dan bil-għan li jiddiskuti materji akkademiċi, amministrattivi u finanzjarji.

X’sar minna l-proposta ta’ korp governattiv?

L-abbozz preżentat elimina wkoll l-proposta tal-korp governattiv li kien se jkollu tliet membri minn ħamsa appuntati direttament mill-Gvern. Fil-passat riċenti din il-proposta kienet qajmet furur madwar l-akkademiċi minħabba l-fatt li għal ħafna din kienet tfisser kontroll totali mill-Gvern.

Kif se jibda jinħatar ir-Rettur?

Ir-rettur tal-Università ser jibda jiġi elett minn Kulleġġ Elettorali minflok mill-Kunsill. Dan l-hekk msejjaħ Kulleġġ Elettorali se jkun kompost minn 10 membri tal-istaff akkademiku tal-Università, 10 membri tal-istaff amministrattiv u tekniku tal-Università, 10 studenti tal-Università, sebgħa membri magħżula mill-Prim Ministru u kif ukoll membru appuntat minn National Skills Council.

Sabiex wieħed japplika għal din il-kariga jeħtieġ li jkollu professorship u wara jrid jagħmel ‘kampanja’ li fiha jispjega l-viżjoni tiegħu għall-Università’. Biex jiġi elett Rettur hemm bżonn il-maġġornanza ta’ 50% + 1 tal-membri votanti ta’ dan il-kulleġġ.

X’leħen se jkollhom l-istudenti fl-għażla tad-dekan?

Skont is-sistema attwali, dekan ta’ fakultà jiġi elett b’maġġoranza ta’ voti li jinġabru mill-istaff akkademiku. Skont ir-riforma proposta, għalkemm 70% jew il-maġġoranza ta’ voti se jkunu qed jiġu mill-istess faxxa ta’ akkademiċi, rappreżentati tal-istudenti se jingħataw 10% tal-voti totali. Apparti minn dawn il-membri tal-istaff amministrattiv u tekniku tal-fakultà se jkollhom dritt għall-vot, liema vot se jkun qed jiswa 20% tal-vot totali.

Min se jippjana għall-futur ?

Bidla oħra li se tkun qed tidħol fis-seħħ minn dawn ir-riformi hija l-formazzjoni ta’ kumitat separat li se jkollu l-għan prinċipali li kontinwament jipprepara pjan strateġiku u pjan istituzzjonali għall-Università għall-perjodu ta’ tliet snin. Apparti minn hekk dan il-kumitat se jħares li jiġi mħejji baġit, ‘business plan’ u pjan akkademiku anwali. Minkejja dan, il-funzjoni ta’ dan il-bord huwa biss ta’ parir, il-pjanijiet xorta waħda jridu l-approvazzjoni tal-Kunsill. Il-kumitat se jkun inkarigat ukoll biex joffri pariri fuq materji bħall-ħolqien, kambjament u tħassir ta’ korsijiet ta’ studju kif ukoll kundizzjonijiet ta’ dħul fl-Università.

Apparti minn hekk, se jkun qed jiġi mwaqqaf kumitat ieħor li se jkun qed jieħu deċiżjonijiet ta’ kuljum ta’ natura amministrattiva. Però, dawn il-poter sabiex dawn id-deċiżjonijiet jiġu meħuda se jingħata bil-Kunsill.

X’bidliet se jsiru fil-bord tal-appell?

Skont l-istess abbozz ta’ liġi, il-Kunsill tal-Università se jkun qed jifforma bord ta’ appelli ġdid li se jiddeċiedi appelli minn kwalunkwe uffiċjal, impjegat, membru tal-istaff tal-Università jew inkella student tal-Università. Bħalissa jeżisti forma ta’ bord ta’ appelli li għandu funzjonijiet bħal reviżjoni ta’ karti. Minkejja dan il-Ministeru stqarr li l-bord preżenti mhuwiex armat biżżejjed sabiex ilaħħaq mal-esiġenzi tal-Università preżenti.

More in Politika