L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u l-Ministeru tas-Saħħa Chris Fearne għadhom kif iffirmaw qbil dwar il-Public Private Partnership (PPP) ma' Steward Healthcare. Dan wara diversi azzjonijiet industrijali li organizzat il-MAM minħabba l-ftehim preċedenti mal-Vitals Global Healthcare (VGH) li kien qajjem numru ta' mistoqsijiet.
Il-MAM u l-Gvern iffirmaw żewġ ftehim separati, wieħed li jirregola il-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-tobba u l-oħra li tirregola arranġamenti ta' PPP futuri.
It-tobba kollha fit-tliet sptarijiet se jibqgħu jitħallsu mill-Gvern u r-reklutaġġ se jibqa' f'idejn il-Gvern. Permezz ta' dan il-ftehim kien garantit li l-poplu Malti u Għawdxi se jibqgħu jieħdu s-servizz mediku b'xejn f'kull wieħed minn dawn it-tliet sptarijiet. Kien garantit ukoll li PPPs futuri se jkomplu jaċċertaw illi t-tobba jitħaddmu mill-Gvern.
Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal ukoll illi ntlaħaq qbil dwar ħlas għal dawk it-tobba li ħadmu fil-festi pubbliċi matul dawn is-sentejn. Fearne wiegħed illi wara verifikazzjoni se jsir il-ħlas kollu li dovut lilhom.