Malta fost l-erba’ pajjiżi fl-UE li raw tnaqqis fl-intrapriżi kbar fl-2016

Madwar l-UE dawn it-tip ta’ intrapriżi iħaddmu madwar 15-il miljun ħaddiem....

Fl-2016 Malta kienet fost l-erba’ pajjiżi illi raw tnaqqis fin-numru ta’ intrapriżi kbar, magħrufin aħjar bħala ‘high growth’, meta mqabbel mal-2016. Fil-fatt ċifri tal-Eurostat li ħarġu din il-ġimgħa juru kif Malta irreġistrat tnaqqis ta’ 18% f’dak li jirrigwarda dawn it-tip ta’ intrapriżi u dan meta l-medja fl-Unjoni Ewropea kienet żieda ta’ 14%.

Kumpaniji ‘High Growth’ huma definiti bħala dawk b’żieda medja annwali ta’ ħaddiema ta’ iktar minn 10% kull sena fl-ewwel tliet snin u li jkunu bdew b’minimu ta’ 10 ħaddiema, meta fil-fatt ikun  beda dan it-tkabbir. 

Madwar l-UE dawn it-tip ta’ intrapriżi iħaddmu madwar 15-il miljun ħaddiem.

Ma’ Malta, il-pajjiżi l-oħrajn li raw tnaqqis huma l-Latvja (-38%), l-Estonja (-30%) u l-Finlandja (-4%).

Minn naħa l-oħra l-aktar pajjiż li ra żieda f’kumpaniji kbar li joperaw fil-pajjiż kien Ċipru b’żieda qawwija ħafna ta’ 104%, anke jekk in-numru ta’ intrapriżi ‘high growth’ huma ta’ 98 biss. Żidiet oħrajn kienu reġistrati fir-Rumanija (+34%), Slovenja (+29%), Spanja (+27%) u l-Italja u Franza fejn iż-żieda kienet ta’ 26%.

Iċ-ċifri maħruġin mill-Eurostat juru wkoll illi  l-akbar żieda madwar l-Unjoni Ewropea ta’ kumpaniji ‘high growth’ kienu fost dawk tal-akkomodazzjoni u servizzi. Hawnhekk iż-żieda kienet ta’ 20.6%. It-tieni l-akbar żieda kienet f’kumpaniji kbar tal-komunikazzjoni (+15.4%) u t-tielet l-akbar tkabbir kien fil-kumpaniji ta’ trasport u ħażna (+14.7%). Żidiet oħrajn seħħew fil-kostruzzjoni, manifattura u bejgħ ta’ proprjetà fost oħrajn.

More in Politika