Ilejla saret mixja li tfakkar lil Daphne Caruana Galizia u li għaliha attendew mijiet ta' persuni. Din seħħet ftit wara quddies li kienet ikkonċelebrata mill-Arċisqof Charles J Scicluna. Fost il-kelliema f'isem is-Civil Society Network, kien hemm Manuel Delia illi sostna illi ħadd m'għandu jċedi quddiem dak illi sejjaħ bħala pressjoni kbira mill-Gvern illi akkużah li juża l-flus u r-rikatt biex jagħlaq ħalq in-nies.
"Dawn riedu jsikktu lill-Arċisqof u għadhom jgħajjru saħħara lil mara li ilha mejta sitt xhur ilu, x'ma tibżax? Imma ma tistax ċċedi. ma tistax tieqaf taħdem għas-sewwa. Min ma jridx il-kuxjenza tniggżu, jipprova jagħlaq ħalq in-nies," sostna Delia għall-apporvazzjoni ta' dawk preżenti.
Delia qal li l-poplu huwa kburi b'pajjiżu "iżda dak li mhux kburin bih huwa li pajjiżna spiċċa f'idejn il-korrotti u l-qattiela. Ahna nistħu għax dik il-bomba waqqfet lid-dinja biex tara x'inhu jiġri f'Malta u sabu maqjel ta' korruzzjoni u vjolenza bil-kelma. U minflok weħilna aħna għall-ħsara li għamlu huma," qal Delia.
Hu qal illi l-PM Muscat huwa responsabbli għall-poplu kollun mhux għal dawk li vvutawlu biss, "Joseph tagħna lkoll u responsabbli tagħna lkoll. Għajtu 40,000 (id-distakk bejn il-PN u l-PL fl-elezzjoni tal-2017) kemm tridu, dan pajjiżna wkoll u xbajna narawkhom iżebilhuh, xbajna narawkwhom iġiegħluna nistħu quddiem id-dinja..."