Kumpanija oħra li tispeċjalizza fil-Blockchain se tiftaħ f'Malta

Neufund taħdem fil-qasam tal-equity, fejn toffri pjattaforma bbażata fuq it-teknoloġija blockchain li tippermetti lill-kumpaniji li joħorġu equity tokens

 Neufund, kumpanija li taħdem fil-qasam tas-servizzi finazjarji permezz tat-teknoloġija Ethereum blockchain, ibbażata f’Berlin, se tkun qed tiftaħ uffiċċju f’pajjiżna, preżenza li se tkun qed iġġib magħha l-esperjenza tal-kumpanija f’dan il-qasam kif ukoll esperti fil-qasam ta’ RegTech u l-iżvillupp tat-teknoloġija blockchain. Dan intqal f’komunikat li l-istess kumpanija ħarġet aktar kmieni dalgħodu.

Neufund taħdem fil-qasam tal-equity, fejn toffri pjattaforma bbażata fuq it-teknoloġija blockchain li tippermetti lill-kumpaniji li joħorġu equity tokens permezz tat-teknoloġija blockchain kemm fuq livell privat u pubbliku. Equity Token Offering hija bbażata fuq mudell t’investiment tat-tip hybrid li jgħaqqad flimkien il-vantaġġi ta’ IPO, ICO u VC. Ma’ Neufund, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri żamm diversi laqgħat sabiex fl-aħħar mill-aħħar kien ikkonkretizzat dan l-investiment.

Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Neufund Zoe Adamovicz qalet li meta l-kumpanija rat il-viżjoni li għandu l-Gvern Malti u l-pajjiż, il-kumpanija riedet li tissieħeb fl-eko-sistema blockchain f’pajjiżna.

“Ninsabu impressjonati bil-ħidma li qed jagħmel il-gvern Malti u bir-rieda tiegħu li jiftaħ il-bibien għal teknoloġiji ġodda. Malta għandna sservi ta’ eżempju għal pajjiżi u regolaturi oħrajn”, tenniet Adamovicz.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri qal li Neufund se tkun qed tgħin mhux biss biex tinħoloq eko-sistema ideali għall-investituri iżda se tkun qed tiddiversifika aktar is-suq tagħna.

Silvio Schembri sostna li huwa kburi bil-pass għaqli li ħa dan il-gvern fil-qasam tat-teknoloġiji emerġenti li qed jagħmlu tabilħaqq minn pajjiżna l-‘gżira tal-blockchain’.

 

More in Politika