"ir-rapporti ippublikati dwari huma bl-aktar mod ċar spekulattivi, bbażati fuq diċċeriji li m'għandhom ebda bażi ta' verità." Hekk qal fl-ewwel reazzjoni tiegħu l-Ministru Chris Cardona għal dak li kien żvelat madwar sagħtejn ilu, jiġifieri li hu kien f'kuntatt mal-Fulu f'bar fis-Siġġiewi ftit wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u li l-ebda politiku, lanqas hu, ma tressaq quddiem il-Pulizija biex isiru l-mistoqsijiet pertinenti.
F'kummenti wara mistoqsijiet mill-illum.com.mt Cardona qal illi hu jilqa' bis-sħiħ il-fatt li l-Maġistrat kien infurmat dwar rapport li hu jerġa jiddeskrivi bħala spekulattiv. "Kienet tkun interessanti kieku l-uffiċjal għoli tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista (li jissemma bħala wieħed mis-sorsi għal dawn l-istejjer) qal lill-midja min u kemm hemm membri tal-Oppożizzjoni li jmorru f'dan il-bar partikolari. Ikun tajjeb ukoll li l-istess sorsi," kompla jgħid Cardona, "jgħidu kif uffiċjal tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista kien fil-fatt Avukat Difensur ta' wieħed mill-aħwa Degiorgio."