'Issottometti l-laptop tiegħek' - Adrian Delia lil Joseph Muscat

Adrian Delia jgħid li Muscat għandu jissotometti s-servers tiegħu wara l-akkużi u l-allegazzjoni li dan intuża biex jkun pjanat il-qtil ta' Caruana Galizia. 

Għall-mistoqsija tal-gazzetta ILLUM, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ingħaqad ma' Matthew Caruana Galizia u talab lil Prim Ministru biex jissottometti l-laptop u server tiegħu għall-investigazzjoni. Dan wara li Caruana Galizia implika, b'allegazzjoni pjuttost serja, li is-server tal-Prim Ministru intuża biex ikun ippjanat il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. 

Delia wkoll insista li Muscat għandu jgħaddi is-server lill-pulizija. "Kieku jien hekk kont nagħmel," qal Delia li iżda ma rrispondiex dwar jekk jaħsibx li l-familja għandhiex tgħaddi l-laptop li kienet tuża Caruana Galizia qabel inqatlet u li ma nstab imkien.

 

Intant, tul il-konferenza, Adrian Delia insista li l-Oppożizzjoni mhux se tgħaġġel għall-konklużjoni iżda insista li hemm mistoqsijiet li l-Gvern jeħtieġ iwieġeb, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Chris Cardona.

Insista li minflok iwieġeb il-Gvern qed jibqa' sieket u minflok joħroġ liġijiet li "joqtlu lill-embrijuni."

Il-Kap Nazzjonalista, li tiegħu Daphne kienet kritika, insista li kulħadd għandu dritt għall-espressjoni u jikkritika u li ħadd ma għandu jispiċċa jissikket jew saħansitra jinqatel minħabba f'hekk. Delia kien fetaħ libelli kontra l-allegazzjonijiet li għamlet dwaru Caruana Galizia u kien waqqagħhom immedjatament wara li nqatlet fis-16 ta' Ottubru li għadda.

Tenna dak li qalet l-Oppożizzjoni dakinhar tal-assassinju, jiġifieri li r-responsabbilità politika għandha tintrefa. Insista li Malta mhux pajjiż normali, waqt li saħaq li għal darb'oħra, isem Malta, qed jissemma mill-midja internazzjonali għar-raġunijiet il-ħżiena.

Aqra wkoll:

More in Politika