€1.3 miljun destinati għal '17 Black' klijent tal-kumpaniji fil-Panama ta' Konrad u Keith
- Rapporti juru illi €1.3 miljun kellhom jgħaddu minn 17 Black għal Tillgate Inc. u Hearnville Inc - il-kumpaniji fil-Panama li fetħu Konrad Mizzi u Keith Schembri
- Email ta' Nexia BT tgħid li l-kuimpaniji ta' Schembri u Mizzi kienu se jagħmlu $2 miljun f'sena waħda biss

minn Yendrick Cioffi

Total ta’ €1.3 miljun kienu trasferiti lill-kumpanija 17 Black, kumpanija f’Dubaj, deskritta bħala waħda mit-“target clients,” biex tħallas lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi fil-kumpaniji li kienu fetħu, reġistrati fil-Panama.
Skont imejls li rat il-gazzetta Ġermaniża Süddeutsche Zeitung, il-kumpanija 17 Black kellha tħallas lill-kumpaniji Tillgate u Hearnville, li s-sidien tagħhom huma Schembri u Mizzi rispettivament, minn kontijiet li ppruvaw jiftħu fil-Bahamas.

€1.1 miljun mis-Seychelles u $200,000 minn aġent lokali tat-Tanker tal-LNG
Minn rapport li spiċċa f’idejn il-midja, jirriżulta li investigaturi milll-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) segwew żewġ tranżazzjonijiet, li t-total tagħhom kien ta; €1.3 miljun, liema tranżazzjonijiet għaddew għand 17 Black, minn kumpanija oħra fis-Seychelles u li jisimha, Mayor Trans.
Il-$200,000 l-oħrajn li ntefgħu f'din il-kumpanija (17 Black) qed ikun irrappurtat illi ġew minn aġent lokali għat-Tanker tal-LNG. Fil-fatt l-istess investigazzjoni żvelat kif pagament ieħor ta’ €161,000 kien intbagħat lil 17 Black minn Orion Engineering, kumpanija li s-sid tagħha huwa Mario Pullicino, li huwa l-aġent lokali li qed jissupplixxi l-LNG lill-power station il-ġdida.
Skont ir-rapport tal-FIAU li qed jikkwota l-Proġett Daphne, dan il-pagament ukoll kien meqjus suspettuż minħabba r-rabta li Pullicino kellu mal-proġett tal-power station. It-Times of Malta tkellmet ma’ Pullicino li ċaħad kull allegazzjoni li kien involut f’tixħim marbut mal-LNG FSU (it-tanker tal-gass).




$2 miljun fis-sena ġġenerati mill-kumpaniji ta' Mizzi u Schembri
Skont imejl miktuba minn Nexia BT u li spiċċat f’idejn il-konsorzju, il-kumpaniji fil-Panama taċ-Chief of Staff u l-Ministru Mizzi, kellhom jiġġeneraw madwar $2 miljun f’sena.
Kien Karl Cini li kiteb din l-imejl (mal-artiklu) u li fiha jgħid li l-kumpanija 17 Black u kumpanija oħra, Macbridge, se tkun qed tħallas lil dawn il-kumpaniji fil-Bahamas. Cini kien ipprova jiftaħ il-kontijiet fil-Bahamas permezz tal-kumpanija legali fil-Panama, Mossack Fonseca, liema kumpanija spiċċat fir-rovina wara l-Panama Papers.
Nexia BT kienet lesta li tħallas $9,000 lil Mossack Fonseca biex tiftaħ dawn il-kontijiet fil-Bahamas. Cini kien qal lil Mossack Fonseca, li l-kumpanji fil-Panama se jkunu qed jaħdmu fis-settur marittimu u tas-sajd fil-Bangladesh, fis-settur turistiku fl-Asja, fuq proġetti infrastrutturali f’kumpaniji Afrikani, fost oħrajn.
Schembri u Mizzi kellhom jirċievu €150,000 fix-xahar mingħand 17 Black u Macbridge fil-kumpaniji tagħhom fil-Panama. L-istess imejl, mibgħuta f’Diċembru 2015, tinforma lil Mossack Fonseca li s-sidien taż-żewġ kumpaniji fil-Panama kienu trusts fi New Zealand. L-ewwel depositu f’dawn il-kumpaniji kellu jkun ta’ $100,000.
The Prime Minister’s Chief of Staff @keithaschembri has just admitted that he was expecting to receive funds from 17 Black. As a MINIMUM this exposes him to be investigated for attempted money laundering. If not, our name will continue to sink. https://t.co/Barp43oOyF
— Simon Busuttil (@SimonBusuttil) April 18, 2018
X'kien intqal fuq 17 Black?
Il-gazzetta The Malta Independent fis-26 ta' Mejju tas-sena l-oħra, u allura lejn l-aħħar tal-kampanja elettorali, kienet ippubblikat storja li fiha kien hemm allegat illi minn 17 Black għaddew flus permezz ta' commissions lill-Ministru Konrad Mizzi u lil Keith Schembri. Dawn ċaħdu bil-qawwa dawn l-allegazzjonijiet, bi Schembri jiddeskrivihom bħala 'fabrikazzjonijiet xejn inqas minn kriminali."
We have a Commissioner of Police who takes immediate action to investigate our @PNmalta MP @SimonBusuttil because posters were put up protesting for justice while 6 months on we are still waiting for #Justice to prevail on the murder itself. This is not a normal country.
— Adrian Delia (@adriandeliapn) April 18, 2018
Ir-rapport jgħid illi l-membri ta' din id-delegazzjoni, li kienu jinkludu lil MEP Portugiża Ana Gomes u anke lill-Malti David Casa, staqsew żewġ mistoqsijiet partikolari dwar l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli. Jekk dan għandux kont fil-Bank Pilatus u t-tieni, jekk l-FIAU stabbilixxietx li hu kien qed jirċievi flus minn Dubaj permezz ta' kumpanija bl-isem ta' 17 Black. L-MEPs staqsew dan lid-Deputat Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU Anton Bartolo.
Ir-rapport ippubblikat jgħid hekk; "Kien ikkonfermat illi hu (Dalli) jista' jkollu kont mal-bank (Pilatus), bħala resident ta' nazzjonalità Maltija, imma l-mistoqsija l-oħra (17 Black) ma kinitx imwieġba."
Dalli dejjem ċaħad illi huwa sid jew ibbenifika minn flus li għaddew minn din il-kumpanija. Mas-sit, Lovin Malta, Dalli kkonferma li fil-fatt kellu kont fil-Bank Pilatus iżda kien ingħalaq.

Ir-rapport li kiseb il-Proġett Daphne, konsorzju ta’ aktar minn 18-il organizzazzjoni, isemmi l-awtoritajiet kontra l-ħasil ta’ flus fl-Istati Uniti li identifikaw tranżazzjonijiet lejn 17 Black u jiddeskrivuha bħala “shell company activity, suspicious wire transfers and money laundering". Daphne Caruana Galizia kienet għamlet l-ewwel referenza għal din il-kumpanija fi Frar tal-2017. Analiżi tal-FIAU kienet qiset it-tranżazzjonijet ta’ €1.3 miljun bħala “suspettużi” għax jinvolvi entitajiet li jaħbu l-flus f’ġurisdizzjonijiet meqjusa “high-risk.” Din l-istess tranżazzjoni kienet meqjusa bħala "advisory service,” li skont l-FIAU tintuża ħafna drabi biex tiddeskrivi ċ-ċirkolazzjoni ta’ fondi illeċiti.
Intant in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili qiegħed ghal darb'ohra jitlob it-tneħħija ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri mill-karigi tagħhom ta' Ministru u Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Occupy Justice kienu iktar qawwijin fil-kritika tagħhom hekk kif inkoraġixxew lil Muscat biex jirriżenja u jniżżel miegħu lil Mizzi u Schembri li sejħulhom 'crooks'.

