L-Ewroparlamentari Nazzjonalisti, David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech mhux se jattendu għal riċeviment u preżentazzjoni miċ-Ċermen tal-Valletta 2018, li se ssir għada f’Dar Malta fi Brussell.
L-MEPs irrifjutaw l-invit li nbagħat mir-Rappreżentanza Permanenti Maltija għall-Unjoni Ewropea u l-Ambaxxatur Malti għall-Belġju Ray Azzopardi.
Dan wara l-kritika li qed issir fil-konfront ta’ Jason Micallef wara kummenti li għadda fuq il-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia u anke wara li ordna li jitneħħew strixxuni tan-Network tas-Soċjetá Ċivili li tpoġġew fuq dawn tal-Fondazzjoni.
Micallef kien saħansitra ddeskriva dak li għamlu l-attivisti bħala illegali.
Il-ġimgħa li għaddiet, 72 Membru Parlamentari Ewropew, fosthom l-MEPs Nazzjonalisti talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex titlob li jitneħħa “b’mod immedjat” liċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef.
Ġimgħa qabel, 250 kittieb internazzjonali, minn PEN International ukoll kitbu jisħqu li Micallef għandu jitneħħa waqt li kkritikaw il-kummenti tiegħu.