Pazjenti Maltin jintbagħtu l-Isptar ta' Għawdex għall-appuntamenti u testijiet

Persuni b'ġenituri anzjani jew b'diżabilità jilmentaw ma' dan is-sit...Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei jikkonferma u jispjega....

Dan is-sit irċieva numru ta' ilmenti mingħand persuni differenti li għalkemm ingħataw data għall-appuntament li kellhom fl-Isptar, fosthom testijiet, intqal lilhom li jridu jitilgħu l-Isptar ta' Għawdex, minflok imorru l-Isptar Mater Dei. 

Dawk li tkellmu ma' dsn is-sit ilmentaw illi dan huwa inkonvenjent l-aktar minħabba l-fatt li l-pazjenti in kwistjoni jew huma anzjani jew inkella jbatu minn xi forma ta' diżabilità. "Dan ifisser li lil missieri, biex imur l-isptar fuq sempliċiment test irrid nieħu ġurnata sħiħa leave mix-xogħol biex intellgħu Għawdex u nerġa nniżlu, apparti l-ispiża żejda biex nitilgħu ċ-Ċirkewwa u nħallsu l-vapur u passiġġier," qal iben pazjent anzjan li pprefera jibqa' anonimu. Persuna oħra li kellmitna lmentat li ommha, anzjana wkoll, għandha diżabilità u ma tistax titla' waħedha. 

Persuni li ċemplu biex jipprovaw ibiddlu l-appuntament biex isir Mater Dei, intqalilhom li jekk ma jirdux jagħmluh Għawdex ikollhom jistennew appuntament ieħor is-sena d-dieħla/ 

Ikkuntattjat minn dan is-sit il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon ikkonferma li numru ta' appuntamenti qed isiru f'Għawdex u kkonferma wkoll li l-ilmenti li waslu għand dan is-sit fil-fatt mhumiex każi iżolati. Falzon spjega kif dan qed isir minħabba li r-riżorsi fl-Isptar ta' Għawdex mhux qed jintużaw sal-massimu tagħhom. Spjega kif kemm it-tagħmir mediku u anke r-riżorsa umana f'Għawdex b'hekk qed jintuża aktar, bil-pazjenti Maltin li qed jaqsmu l-fliegu.

 

 

 

More in Politika