Il-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera inawguraw ix-xogħol ta’ riġenerazzjoni tal-Ġnien tal-Argotti li sar b’investiment ta’ €2.4 miljun. Proġett li ra l-bidu tiegħu permezz ta’ restawr fuq il-ħitan tas-swar fl-2016 u riġenerazzjoni tal-ġnien f’April 2017.
“Ġonna bħal dawn isebbħu l-bliet u l-irħula tagħna u fejn huma żoni għat-tgawdija tal-familji. Għalhekk nemmen li dawn l-inizjattivi għandhom jiġu inkoraġġuti u fejn ikun possibli anke permezz ta’ sħubija bejn il-Gvern u l-privat,” sostna l-Prim Ministru Joseph Muscat. Huwa ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali biex jiddentifikaw aktar ġonna u żoni oħra li jistgħu jintużaw bħala open spaces għall-familji, li jkunu mitluqin u għandhom bżonn investiment. Dan sabiex Malta fil-futur ikollha aktar żoni li jitgawdew mill-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Il-Ministru Herrera rringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti f’dan ix-xogħol, fosthom id-Direttorat tal-Parks, il-Wasteserv u d-Direttorrat tar-Restawr, kif ukoll lill-Università ta’ Malta tal-impenn li qed tagħti biex tkabbar u tieħu ħsieb il-ġnien botaniku. Il-Ministru għall-Ambjent stqarr kif għalkemm l-isfidi kienu kbar, il-proġett xorta twettaq b’suċċess, u dan kollu huwa xhieda tad-dedikazzjoni li wrew il-ħaddiema kollha.
Fil-Ġnien tal-Argotti sar restawr tal-bastjun kif ukoll tal-funtani, sar tqegħid ta’ madum madwar il-ġnien kollu, sistemi ġodda ta’ ilma, irrigazzjoni, dwal u railings madwar il-ġnien kollu.