Investiment ta' €2 miljuni fuq il-bypass tal-Mellieħa

 Il-Ministru Ian Borg kien talab lil Transport Malta tqis mill-ġdid il-pjanti oriġinali għall-bini mill-ġdid tal-bypass bil-għan li t-triq tibqa’ b’erba’ korsiji

Ix-xogħol fil-by pass tal-Mellieħa
Ix-xogħol fil-by pass tal-Mellieħa

Ix-xogħol tal-bini mill-ġdid tal-bypass tal-Mellieħa - sabiex jiddaħħlu diversi miżuri għal inqas riskji ta’ inċidenti - beda fil-jiem li għaddew u mistenni jkun lest sal-bidu tas-sajf li ġej.    

Il-bini mill-ġdid ta’ Triq Louis Wettinger, jew kif inhi magħrufa aħjar il-bypass tal-Mellieħa qed isir wara intervent tal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali li talab lid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta jiddisinjah mill-ġdid biex isir aktar sigur, mingħajr ma jidjieq kif kien ippjanat li jsir qabel. 

Permezz ta’ dan l-investiment ta’ madwar €2 miljun, is-sigurtà għal dawk li jużaw din it-triq se tissaħħaħ permezz ta’ tagħmir ġdid ta’ crash barriers mal-ġnub tal-karreġġjata u ta’ central strip ġdida bil-crash barriers fin-nofs bejn il-korsiji f’direzzjonijiet opposti biex titjieb is-sigurtà għas-sewwieqa. It-triq kollha, li sal-lum qatt ma kienet imdawla, se jkollha sistema ġdida ta’ lampi fuq arbli.

Minbarra l-erba’ korsiji għall-karozzi, tnejn f’kull direzzjoni, il-bypass se jkollha wkoll korsija għar-roti b’tul ta’ 1.4 kilometri. Fl-aħħar nett il-proġett jinkludi wkoll disinn ġdid ta’ uħud mill-junctions bejn din it-triq u toroq oħrajn li jinfdu magħha fosthom it-triq tal-Miżieb u toroq oħrajn li jwasslu għaż-żoni residenzjali tal-Mellieħa.

Il-pjanijiet oriġinali għad-disinn mill-ġdid tal-bypass tal-Mellieħa, imfassla snin ilu, kienu jinkludu t-tneħħija ta’ waħda mill-erba’ korsiji tal-bypass bħala miżura ta’ sigurtà. Fil-fatt, partijiet oħrajn ta’ din il-bypass kif ukoll partijiet mir-rotta bejn il-Mellieħa u ċ-Ċirkewwa kienu diġà ċċekknu għal tliet jew żewġ korsiji fis-snin li għaddew meta nbnew mill-ġdid bħala parti minn proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.

Ftit ġimgħat ilu, il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali talab lil Transport Malta tqis mill-ġdid il-pjanti oriġinali għall-bini mill-ġdid tal-bypass bil-għan li t-triq tibqa’ b’erba’ korsiji. Wara li l-pjanti tat-triq ġew riveduti, il-periti tal-Awtorità kkonfermaw li l-bypass tista’ tiġi mtejba biex ikollha diversi miżuri ta’ sigurtà mingħajr ma tidjieq għal tliet korsiji. Il-pjanti tekniċi ġodda ġew diskussi mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u x-xogħol meħtieġ beda minn diversi kuntratturi fil-jiem li għaddew. 

F’kummenti dwar din il-ħidma, il-Ministru Ian Borg spjega li fil-mira tiegħu li jtejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna fis-snin li ġejjin, il-Gvern jagħmilha ċara li mhux se joqgħod lura milli jibdel u jaġġusta pjanijiet stabbiliti biex ikollna infrastruttura aħjar.

“Il-ħidma fl-infrastruttura tat-toroq ta’ pajjiżna ma tridx tkun biss effiċjenti u ta’ kwalità għolja. Trid tkun ukoll flessibbli biżżejjed biex kontinwament tifhem il-bżonnijiet ta’ pajjiżna, ta’ dawk kollha li jivvjaġġaw fit-toroq u fejn hemm bżonn taġġusta u ttejjeb il-pjanijiet tagħha. Fil-Mellieħa, stajna għidna li diġà kien hemm min dejjaq partijiet oħrajn tal-bypass għal tliet korsiji. Stajna għidna li dawk huma l-pjanti li hemm. Iżda smajna t-tħassib tar-residenti u ta’ dawk li jużaw din it-triq ta’ kuljum, fhimna li hemm lok għal titjib u mill-ewwel ħadna azzjoni biex inwettquh. B’hekk bdilna sfida f’opportunità ta’ investiment fi triq iddisinjata aħjar, b’ferm aktar faċilitajiet għas-sigurtà tas-sewwieqa, taċ-ċiklisti u ta’ dawk kollha li jużawha”, qal il-Ministru Borg.  

Il-bini mill-ġdid tal-bypass tal-Mellieħa jifforma parti minn ħidma akbar biex titjieb il-konnessjoni ewlenija lejn il-lokalitajiet u l-inħawi tan-naħa ta’ fuq tal-pajjiż fosthom ix-Xemxija, il-Mellieħa, it-terminal tal-vapuri ta’ Għawdex fiċ-Ċirkewwa u x-xtajtiet tal-Għadira, tal-Armier, tal-Marfa u oħrajn. Ftit ġimgħat ilu tlesta l-bini mill-ġdid ta’ partijiet minn Triq il-Pwales max-xatt tax-Xemxija. Din il-parti tat-triq kien jeħtieġ li tinqala’ mill-qiegħ biex isiru pedamenti ġodda u aktar b’saħħithom.

Bħalissa għaddej ukoll proġett biex jissaħħaħ il-pont tal-Mistra li jgħaqqad ix-Xemxija mal-Mellieħa u li kien jinsab f’periklu li jiġġarraf wara li tħalla bla ebda manutenzjoni għal għexieren ta’ snin. Dan ix-xogħol mistenni jitlesta wkoll sas-sajf li ġej. 

Fil-ġimgħat li ġejjin, qabel is-sajf, se jsir ukoll xogħol ta’ tiswija ta’ partijiet mit-telgħa ta’ Selmun biex jiġu rranġati biċċiet mit-triq li ċedew fl-aħħar snin. Eventwalment it-triq kollha se tinbena mill-ġdid ukoll permezz ta’ proġett separat.  

More in Politika