Fit-tbassir ekonomiku tagħha l-Kummissjoni Ewropea qed turi li kemm fl-2018 kif ukoll fl-2019 pajjiżna se jkollu l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea. L-istess fil-qasam tal-impjiegi, fejn pajjiżna issa ilu mill-2013 ikollu l-ikbar tkabbir.
L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qed ibassru wkoll li s-surplus tal-gvern se jibqa ‘l fuq minn 1% tal-ġid nazzjonali, jiġifieri d-doppju tat-tbassir li kienu għamlu ftit xhur qabel. Saret reviżjoni wkoll fil-piż tad-dejn nazzjonali, minħabba li t-tbassir preċedenti, li d-dejn jonqos għal 50% tal-ġid nazzjonali fl-2019, fil-fatt intlaħaq fl-2017. Issa, għall-2019, il-Kummissjoni qed tantiċipa li d-dejn jersaq lejn l-43%.
L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qed ibassru rata ta’ tkabbir ekonomiku ta’ 5.8% għal Malta fl-2018 u 5.1% fl-2019. Dan it-tbassir għal Malta huwa iktar mid-doppju tar-rata li bih mistennija tikber l-ekonomija Ewropea fl-istess snin, kif ukoll iktar mid-doppju tal-medja ta’ tkabbir li kien osservat f’pajjiżna bejn l-2009 u l-2013.
Fir-rapport tagħha dwar Malta, intitolat ‘Malta: Sustained economic growth’, l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea jgħidu li qed jistennew it-tkabbir “to remain vigorous over the forecast horizon”, filwaqt li jinnutaw li “Malta’s economy is among the fastest growing economies in the EU, with record-low unemployment”. Dan l-iżvilupp huwa dovut għas-settur tal-esportazzjoni, speċjalment il-qasam tas-servizzi.
Il-Kummissjoni Ewropea tgħid li din is-sena l-espansjoni ekonomika ser isseħħ “in a context of favourable labour market conditions and high consumer confidence”.
Filwaqt li qed ibassru li r-rata tal-qgħad tibqa f’livell baxx rekord, l-esperti tal-Kummissjoni jgħidu li l-pagi f’pajjiżna se jogħlew b’iktar mill-medja Ewropea. Fil-fatt, kemm fl-2018 kif ukoll l-2019, il-paga medja wara li tikkunsidra l-inflazzjoni mistennija togħla bid-doppju f’Malta meta mqabbel mal-medja fl-Unjoni Ewropea. Ir-rata ta’ tkabbir fil-pagi mistennija tkun kważi d-doppju taż-żidiet li kien hemm bejn l-2009 u l-2013.